Futbol Sport

UEFA – L-AQWA PLEJER TAS-SENA – Ronaldo, Messi u Buffon it-tliet finalisti

Fl-istaġun li għadda kien Ronaldo li rebaħ dan l-unur u b’hekk hu qed jittama li jiddefendi dan l-unur

Cristiano Ronaldo, Lionel Messi u Gianluigi Buffon ġew magħżula bħala t-tliet finalisti għall-unur tal-Aqwa Plejer tas-sena tal-Uefa. Ir-rebbieħ se jitħabbar nhar l-24 ta’ Awwissu meta dakinhar hemm it-tlugħ tal-poloz tal-fażi tal-gruppi taċ-Champions League.

Il-lista oriġinali kienet tinkludi 10 plejers u total ta’ 80 kowċ ta’ timijiet li ħadu sehem fiċ-Champions League u l-Europa League tal-istaġun li għadda flimkien ma’ 55 ġurnalist għażu t-tliet finalisti.

Ronaldo kien protagonist assolut għal Real Madrid hekk kif għenhom jirbħu ċ-Champions League għat-tieni sena konsekuttiva u temm bħala l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni bi 12-il gowl. Ta’ min jinnota wkoll li Ronaldo għen lit-tim immexxi minn Zidane jirbaħ il-kampjonat domestiku u madwar ġimgħa u nofs lagħab għal ftit minuti fil-finali tal-UEFA Super Cup li Real rebħu bi skor ta’ 2-1 kontra Manchester Utd.
Fattur kurjuż hu li Real saru l-ewwel tim f’dawn l-aħħar 25 sena li rnexxielu jirbaħ iċ-Champions League darbtejn wara xulxin.

Minn naħa tiegħu Buffon għen lil Juventus jirbħu l-kampjonat domestiku għas-sitt darba konsekuttiva u l-Coppa Italia. Fil-fatt dan hu rekord fl-Italja minn naħa tal-Bianconeri li rebħu sitt darbiet il-kampjonat. Barra minn hekk Juventus waslu sal-finali taċ-Champions League li tilfu proprju kontra Real Madrid. Buffon hu t-tieni gowlkiper li għamilha mal-lista finali ta’ tliet plejers sa minn meta dan l-unur kien introdott mill-UEFA. Il-gowlkiper l-ieħor kien Manuel Neuer ta’ Bayern Munich.

L-attakkant ta’ Barcelona Lionel Messi għen lill-Katalani jirbħu t-Tazza tar-Re u spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-kampjonat Spanjol b’37 gowl. Il-wirjiet tiegħu iżda ma kienux biżżejjed biex Barcelona jirbħu ċ-Champions League.

Messi u Ronaldo se jkunu qed jittamaw li jirbħu dan l-unur għat-tielet darba fil-karriera tagħhom filwaqt li Buffon se jipprova jirbaħ dan l-unur għall-ewwel darba. Ta’ min jiftakar li Buffon qal li dan l-istaġun se jkun l-aħħar wieħed tiegħu għax mistenni jirtira wara t-Tazza tad-Dinja tal-2018.
Fl-istaġun li għadda kien Ronaldo li rebaħ dan l-unur wara li kien għen lill-Merengues jirbħu ċ-Champions League meta f’Mejju tal-2016 għelbu lil Atletico Madrid fil-finali ta’ San Siro.

Il-kumplament tal-plejers li kienu oriġinarjament fil-lista huma Luka Modric (Real Madrid), Toni Kroos (Real Madrid),Paulo Dybala (Juventus), Sergio Ramos (Real Madrid), Kylian Mbappe (Monaco), Robert Lewandowski (Bayern Munich), Zlatan Ibrahimovic (Manchester United).

Kemm Modric, Ramos kif ukoll Kroos ukoll kienu strumentali biex Real rebħu ċ-Champions League.
Dybala kien wieħed mill-aktar plejers ta’ Juventus, flimkien ma’ Buffon, li spikka matul l-istaġun li għadda tant li matul dan is-sajf kien segwit mill-qrib minn Barcelona.

Lewandowski għen lil Bayern Munich jirbħu l-kampjonat Ġermaniż.

Mbappe kien bla dubju l-aktar plejer rivelazzjoni matul l-istaġun li għadda grazzi għall-gowls tiegħu li għenu lil Monaco jirbħu l-kampjonat domestiku u jtemmu d-dominju ta’ PSG fi Franza.

L-attakkant Ibrahimovic ma lgħabx fiċ-Champions League iżda fl-Europa League mar-Red Devils u kellu staġun mill-aqwa sakemm sofra injury serja li minħabba fiha se jdum sa tmiem din is-sena barra mill-azzjoni. Fis-sajf Ibrahimovic skadilu l-kuntratt minn ma’ Man Utd imma skont rapporti fil-midja jidher li Man Utd se jerġgħu joffrulu kuntratt la darba dan jirkupra.