Futbol Sport

Birkirkara jitilqu lejn is-Slovenja għar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League tan-nisa

It-tim ta' Birkirkara li fl-istaġun li għadda rebaħ il-kampjonat u n-knock-out

Iċ-Champions lokali tal-futbol tan-nisa Birkirkara ħallew Malta lejn is-Slovenja biex jilagħbu fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-UEFA Champions League tan-nisa. Birkirkara telgħu fi Grupp 6 biex jilagħbu kontra ZNK Olimpija Ljubljana, FC Minsk tal-Belarus u l-ġganti Żvizzeri FC Zurich Fraeun, bil-logħob jintlagħbu bejn illum u t-Tnejn 28 ta’ Awwissu. It-tim se jkun taħt it-tmexxija ta’ Melania Bajada li ħadet post Shawn Meilak.

Birkirkara li fl-istaġun li għadda rebħu wkoll in-knock-out, se jilagħbu kontra FC Minsk fl-ewwel logħba llum fil-5.15pm u l-Ġimgħa jilagħbu t-tieni logħba kontr FC Zurich fis-1.00pm. In-nisa Maltin jagħlqu l-impenji tagħhom fil-grupp b’logħba kontra s-Sloveni Olimpija Ljubljana fil-5.00pm.

Din hi l-ħames darba li Birkirkara se jkunu qed jirrappreżentaw lill-pajjiżna fl-aktar kompetizzjoni ta’ prestiġju fil-futbol tan-nisa. L-aħħar darba li lagħbu kien fl-istaġun 2013/2014 meta dakinhar kienu lagħbu kontra l-Iskoċċiżi Glasgow City, Twente tal-Olanda u Osijek tal-Kroazja.

ZNK Olimpija Ljubljana se jkunu qed jagħmlu d-debutt fil-kompetizzjoni wara li rebħu l-kampjonat Sloven l-istaġun li għadda u temmew is-sensiela ta’ ħames kampjonati ta’ Pomurje. FC Minsk ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni diversi drabi u l-istaġun li għadda kkwalifikaw mill-fażi tal-gruppi, iżda kienu eliminati minn Barcelona. FC Zurich huma l-favoriti li jikkwalifikaw minn dan il-grupp hekk kif avvanzaw fl-aħħar snin.

L-iskwadra ta’ Birkirkara hi: Janice Xuereb, Gabriella Zahra, Ann-Marie Said, Kim Parnis, Stephania Farrugia, Samantha Zarb, Mariah Sciberras, Tracy Teuma, Alishia Sultana, Sarah Urpani, Nina Dimech, Raina Giusti, Maria Fenech, Veronqiue Mifsud, Yasmeen Vella, Michela Felice, Nicole Zammit, Kelly Agius Pace, Sonia Schembri.