Futbol Sport

Draw bejn Manchester City u Everton

Manchester City u Everton spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’logħba divertenti fl-Etihad Stadium biex b’hekk iż-żewġ timijiet waqqgħu l-punti wara li rebħu l-ewwel logħba tal-Premier League. Din il-logħba kienet speċjali għal Wayne Rooney li sab ix-xibka biex skorja l-200 gowl fil-Premier League u sar biss it-tieni plejer li għamel dan wara Alan Shearer li skorja 260 gowl.

Rooney poġġa lil Everton fil-vantaġġ fil-35 minuta meta żmarkat daħal tajjeb fl-ispazju u wara li rċieva kross ta’ Dominic Calvert-Lewin għeleb lil Ederson b’xutt mill-ewwel, bil-ballun jaħbat ma’ saqajn il-gowlkiper ta’ City u l-wieqfa qabel daħal fix-xibka. Manchester City kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li tkeċċa għat-tieni karta safra Kyle Walker, deċiżjoni li ħafna sostnew li ma kinitx ġusta.

Minkejja li b’raġel anqas, Manchester City komplew jattakkaw u speċjalment fl-aħħar nofs siegħa tal-logħba, kellhom diversi okkażjonijiet. Huma rnexxielhom iġibu d-draw fit-82 minuta meta kross tas-sostitut Danilo ġie klirjat parzjalment, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni tas-sostitut Raheem Sterling li b’xutt mill-ewwel ma ta’ l-ebda ċans lil Pickford. Everton spiċċaw il-logħba wkoll b’raġel anqas wara li tkeċċa Morgan Scneiderlin fit-88 minuta.