Elezzjoni Kap PN Lokali

“Il-bżulija frott l-esperjenza” – Chris Said

Mhux għax qatt kien hemm bżonn ta’ prova, iżda llum kellna konferma, bl-iswed fuq l-abjad, kemm Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista poġġew pedamenti sodi li l-frott tagħhom qed jitgawda llum. Għalhekk minn qed jipprova jagħti l-impressjoni li dak li għamlu gvernijiet immexxija minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi irid jitwarrab, jew m’għandhux għal qalbu l-Partit Nazzjonalista u jrid jagħmillu biss ħsara, jew inkella maqtugh mir-realtà. L-istorja ewlenija tal-gazzetta The Times of Malta tal-lum hi xhieda ċara ta’ dan: l-impatt tal-attività mill-Malta Freeport fuq l-ekonomija tal-pajjiż din is-sena se tlaħħaq il-107 miljun ewro filwaqt li sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija toħloq aktar minn 900 impjieg. Il-Freeport hu frott il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista.

L-iżball tal-Partit Nazzjonalista kien li ma tkellemnix biżżejjed bil-ġid kbir li għamel għal pajjiżna. Bħala Kap gdid tal-Partit Nazzjonalista jien se nara li nkomplu, mill-gvern, noħolqu l-ġid kif għamlu l-mexxejja kbar li kellu l-Partit Nazzjonalista mill-gvern, u li jien kelli x-xorti nservi taħthom – Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi. Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f’messaġġ lill-kunsilliera, tesserati u attivisti tal-Partit Nazzjonalista.

Chris Said qal, “Ilni tletin sena nservi fil-Partit Nazzjonalista, bħala deputat, imbagħad bħala Segretarju Parlamentari u Ministru. Kburi bil-kisbiet kbar li għamilna għal pajjiżna. Kburi bil-kisbiet kbar li seħħew taħt Eddie Fenech Adami, l-akbar statista li qatt rat il-politika Maltija. Ħasra li ma ftaħarnhiex biżżejjed bil-ġid kbir li ħloqna.”

Chris Said elenka dak li jiddeskrivi veru lill-Partit Nazzjonalista hu dak li għamel u li narawh madwarna kuljum:

·        l-Università tal-Qroqq,

·        l-MCAST

·        l-iskejjel ġodda,

·        skejjel tal-Knisja u indipendenti ħielsa,

·        l-infrastruttura sportiva

·        il-Pixxina Nazzjonali,

·        l-Isptar il-ġdid Mater Dei,

·        l-Isptar il-ġdid Kontra l-Kanċer,

·        it-toroq ewlenin fosthom Triq Reġjonali f’kull parti u mina tagħha,

·        it-Terminal tal-Ajruport,

·        il-Port Ħieles,

·        it-Terminal tal-Cruise Liners,

·        il-Port u l-vapuri t’Għawdex,

·        il-proġetti vasti u kontinwi bil-flus li ġibna mill-Ewropa bħall-flyover tal-Kappara u Triq il-Kosta,

·        ekonomija ħielsa u effiċjenti,

·        l-ewro f’butna,

·        anqas income tax,

·        il-linji tal-ajru low cost,

·        l-MCESD għad-djalogu soċjali veru,

·        Il-Kunsilli Lokali

·        Is-Sħubija ta’ Malta fl-U.E.

Chris Said sostna li dan kollu hu xhieda ta’ nazzjon, modern, Ewropew: it-timbru veru tal-Partit Nazzjonalista. Din hi l-esperjenza – ħidma, twettiq, azzjoni mhux paroli, bżulija, riżultati.

“Hekk beħsiebni nagħmel bħal kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista”, temm jgħid Chris Said.