Elezzjoni Kap PN Lokali

“Irridu ngħaqdu lill-Partit Nazzjonalista” – Alex Perici Calascione

L-aktar element kruċjali wara l-elezzjoni tas-16 ta’ Settembru hu li l-Partit Nazzjonalista jkollu Kap li jgħaqqad – li irrelevanti min jirbaħ u jitlef, kulħadd jingħaqad flimkien biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir Partit rebbieħ.

Dan kien il-messaġġ tal-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione meta tkellem dwar il-bżonn ta’ Kap li jgħaqqadna.

Hu semma l-importanza tad-deċiżjonijiet li se jkunu qed jittieħdu wara l-elezzjoni tas-16 ta’ Settembru, u li għalhekk, hemm bżonn persuna fit-tmexxija tal-Partit, li b’responsabbilta u b’għaqal jeħodhom fl-interess tan-Nazzjonalisti kollha.

Alex Perici Calasione spjega kif illum, grazzi għal deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar erba’ snin, il-Partit Nazzjonalista jinsab f’pożizzjoni li jista’ jieħu ċertu deċiżjonijiet, b’mod partikolari dawk mill-aspett finanzjarju. Hu tenna l-impenn tiegħu ta’ kontinwazzjoni tar-ristrutturar finanzjarju li beda jitħaddem fis-snin li għaddew, u spjega l-importanza tas-serjetà f’settur bħal dan.

Alex Perici Calascione temm billi rringrazzja lill-Kunsillieri u lit-Tesserati għall-impenn tagħhom favur il-Partit Nazzjonalista u esprima l-fiduċja tiegħu, li għal darb’oħra, se jkunu qed jieħdu l-aqwa deċiżjoni quddiemhom: dik li l-Partit Nazzjonalista jerġgħu jagħmluh rebbieħ.