Il-Pulizija Spanjola f’Barċellona sparat u qatlet lir-raġel Marokkin ta’ 22 sena li kien ix-xufier tal-vann tal-attakk tal-ġimgħa l-oħra f’Barcellona u li fih tilfu ħajjiethom 15-il persuna.
Hu inqatel 25 kilometru fil-Punent ta’ Barċellona fl-inħawi ta’ Subirats u fuqu kellu dak li jidher kien ċinturin bl-isplussiv. Dan hekk kif kien interċettat mill-Pulizija wara li ntlemaħ f’pompa tal-petrol.
Fl-attakk, li sar nhar il-Ħamis li għadda, inqatlu 15-il persuna waqt li iżjed minn mija oħra sofrew xi ġrieħi f’dan l-attakk li seħħ f’post ċentrali u famuż mat-turisti.
U hekk kif komplew l-investigazzjonijiet, wieħed mill-Marokkini arrestati b’rabta mal-attentat ta’ Barċellona qed jikxef id-dettalji wara l-kumplott.
Il-Ministeru tal-Intern Spanjol qal li b’kollox dan il-grupp terroristiku kien magħmul minn 12-il persuna u xi wħud minnhom kellhom rabtiet ma’ xi pajjiżi Ewropej.
Il-Marokkin li qed jikkoopera mal-Pulizija hu l-uniku wieħed li ħareġ ħaj mill-isplużjoni li kien hemm fir-raħal ta’ Alcanar fejn inqerdet dar fi splużjoni li ħalliet persuna mejta. L-isplużjoni kienet ikkawżata mill-bomba li kellha titpoġġa fil-vann flimkien ma’ ċilindri tal-gass.
Fil-post tal-isplużjoni, il-Pulizija sabu mal-120 ċilindru tal-gass lesti biex ikunu sploduti, aktarx mal-Katidral simbolu ta’ Barċellona, dak tas-Sagrada Familia.
Sadattant bil-mod il-mod il-ħajja f’Berċellona qed tirritorna lura għan-normal fost sigurtà kbira.
Wara dan l-attakk, f’pajjiżna fl-Ambaxxata Spanjola li tinsab f’Ta’ Xbiex tpoġġa ktieb tal-kondoljanzi. Illum iffirma l-ktieb tal-kondoljanzi il-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Affarijiet Barranin, Carm Mifsud Bonnici. F’kummenti lil dan l-istazzjon, hu ddikjara li attakk fuq pajjiż bħal Spanja, hu meqjus ukoll bħala attakk fuqna, anke għaliex it-terroriżmu jħalli effett internazzjonali.
Sadattant il-Pulizija Finlandiża identitikat il-persuna li l-ġimgħa li għaddiet qatel żewġ persuni f’Turku. Dan hu l-Marokkin ta’ 18-il sena.
//= $special ?>