Lokali

“Kelli mumenti fejn kont xtaqt li ntemm ħajti” – Tfajla titkellem dwar kif irnexxielha tegħleb il-kundizzjoni tal-anorexia

L-intervista sħiħa ma’ Solange se tixxandar illejla waqt il-programm Nafek xi Mkien fid-9pm fuq Net Television, bi preżentazzjoni ta’ Fabian Demicoli

Solange Ciantar hi tfajla ta’ 19-il sena, li fl-aħħar snin kienet qed tbati mill-kundizzjoni tal-bulimia u l-anorexia. Iltqajna magħha f’Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa fejn hemmhekk fl-aħħar xhur ħadet l-għajnuna biex toħroġ minn din il-problema.

Solange irrakkontat li bdiet tbati minn din il-kundizzjoni ta’ 13-il sena. Bdiet bil-bulimia wara li rat film li fih kien hemm tfajla tneħħi l-ikel biex tnaqqas il-piż u darba hi ħasset li kienet qed iżżid fil-piż u għamlet bħat-tfajla tal-film. Solange qaltilna li l-problema kompliet tikber.

Qaltilna li l-iskola kellha nuqqas ta’ kunfidenza u mibegħda lejha nifisha u saħansitra kienet taqta’ partijiet minn ġisimha b’xafra.

Solange tirrakkonta li meta mbagħad bdiet tipprova tiekol, hi bdiet tiffissa li qed tisma’ vuċijiet jgħidulha biex ma tikolx u hi bdiet tisma’ minnhom.

Qaltilna li fil-bidu dawn il-vuċijiet kienet tħosshom jgħinuha għax hi riedet tirqaq, u hekk kien qed jiġri.

Imbagħad wara ċertu żmien il-vuċijiet li kienet tisma’ ma felħitx għalihom aktar u kien hemm mumenti fejn riedet ittemm ħajjitha.

L-anorexia bdiet twassal lil Solange biex tkun dejjem għajjiena u ma trid tagħmel xejn, dejjem imdejqa u dejjem trid tevita l-ikel. Qaltilna li kien hemm punt fejn xtaqet li tiekol, iżda l-vuċijiet ma kinux iħalluha.

Solange ħadet żmien twil biex indunat li kellha problema, sakemm il-problema tant daħlet fil-fond, li l-anorexia spiċċat tikkontrollalha ħajjitha, u marret titlob l-għajnuna f’Dar Kenn Għal Saħħtek.

Solange sostniet li għall-ewwel ma kienx faċli tidħol fid-dar u tibda l-kura, iżda wara ċertu żmien bdiet tirrealizza li qed timxi ’l quddiem u għaldaqstant kompliet tingħata l-kura. Solange qalet bla tlaqliq li din kienet l-aqwa deċiżjoni li qatt ħadet f’ħajjitha.

Sostniet li r-regoli li hemm fid-dar, li huma ħafna, sabithom ta’ għajnuna kbira. Fid-dar hi setgħet issir taf aktar lilha nnifisha u saret tapprezza ferm aktar is-sabiħ tal-ħajja.

Solange appellat lil min għandu din il-problema biex ifittex l-għajnuna tal-professjonisti.

L-intervista sħiħa ma’ Solange se tixxandar illejla waqt il-programm Nafek xi Mkien fid-9pm fuq Net Television, bi preżentazzjoni ta’ Fabian Demicoli.