Internazzjonali

‘L-immigranti’ fl-Italja xxamplati fi pjazza u bil-ħwejjeġ tad-ditta imma …

Żewġ persuni ta’ karnaġġjon skur, mibnija sew u jilagħqu x-xemx għaddejja f’Forte dei Marmi, fl-Italja, spiċċaw fil-mira ta’ grupp ta’ persuni li ħadulhom ir-ritratti, tefgħuhom fuq l-internet u bdew kampanja sħiħa ta’ kummenti dwar kif l-immigranti qed jgħixu ħajja ta’ lussu minn fuq dahar il-poplu.

L-hekk imsejħa immigranti qattgħu ħin jirrilassaw, bi ħwejjeġ tad-ditta u mdawrin minn basktijiet mimlija oġġetti u lbies lussuż … xi ħaġa li kompliet tqajjem ir-rabja fost poplu li għaddej minn problemi ta’ nuqqas ta’ xogħol u fl-eqqel tal-kontroversji dwar l-immigrazzjoni llegali.

Iżda dawk li kkritikaw u offendew lil dawn iż-żewġ persuni ħadu sorpriża meta skoprew li dawn ma kienu ħadd ħlief l-attur famuż mad-dinja, Samuel L. Jackson, li ħa sehem f’iżjed minn mitt film li bejnietom qalgħu iżjed minn $16-il miljun fil-box office, u l-eks plejer tal-basketball Earvin Magic Johnson Jr li attwalment hu l-President ta’ Los Angeles Lakers u rebbieħ ta’ għexieren ta’ unuri.