Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-vjolenza domestika. Il-politiċi għandhom jaħdmu id f’id biex jindirizzaw din il-pjaga fis-soċjeta’ ta’ pajjiżna li sfortunatament, għadha magħna.
Kien propju għal dan il-għan, u sabiex titqajjem kuxjenza tar-realta’ kerha tal-vjolenza domestika u l-ħidma ta’ persuni li jieħdu ħsieb dawn il-vittmi li tliet Deputati tal-PN żaru Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan.
Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg, flimkien mal-Whip tal-Grupp Parlamentari u Kelliem Għad-Drittijiet taċ-Ċittadin u Djalogu Soċjali David Agius u l-Kelliem għall-Familja u Politika Soċjali Clyde Puli intlaqgħet minn Bernardette Briffa il-manager responsabbli mill-programm terapewtiku offut fid-dar.
Dan iċ-ċentru kien inawgurat iktar kmieni din is-sena fejn isiru sessjonijiet ta’ counselling kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal, bl-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund, l-MMDNA u donazzjonijiet mill-pubbliku. Min-naħa tiegħu, il-Gvern ikopri l-pagi tal-persuni li jaħdmu full-time f’dan iċ-ċentru.
Elaine Pavia, il-Kap ta’ Dar Merħba Bik tispjega l-isfidi u s-servizzi offruti minn Dar Merħba Bik.
Min-naħa tagħha, Claudette Buttigieg irreferiet għall-każ riċenti fil-Qorti dwar vjolenza domestika fejn qalet li lil hinn mir-raġuni, dan il-każ għandu jixxokkja lis-soċjeta’ għaliex jikkonferma li l-vjolenza domestika mhux xi ħaġa tal-passat jew ta’ min hu kbir fl-eta’ iżda xi ħaġa li qiegħda magħna kuljum.
David Agius irrefera għall-ħtieġa li l-liġijiet tagħna kontra l-vjolenza domestika jissaħħu. Filwaqt li faħħar il-Presidenza Maltija li wasslet biex f’Ġunju li għadda l-Unjoni Ewropea tiffirma l-Konvenzjoni ta’ Istanbul kontra l-Vjolenza Domestika, hu nsista li l-liġijiet Maltin għandhom kemm jista’ jkun ikunu skont din il-Konvenzjoni.
Min-naħa tiegħu, Clyde Puli tkellem dwar l-impatt li l-vjolenza domestika tħalli mhux biss fuq il-vittma iżda anki fuq il-membri l-oħra tal-familja, bħat-tfal li jassistu għal vjolenza fuq wieħed mill-ġenituri tagħhom.
Dar Merħba Bik tirċievi madwar 100 mara u tfal kull sena. B’kollox hemm 14-il appartament fejn il-vittmi flimkien ma’ uliedhom, ikunu jistgħu jistkennu mill-ambjent vjolenti u jingħataw għajnuna biex jerġgħu iqumu fuq saqajhom.
//= $special ?>