It-tiratur Nazzareno Attard rebaħ it-trofew The All Malta tat-trap organizzat mill-Federazzjoni Maltija tal-Isparar fil-Bidnija fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Din il-kompetizzjoni kienet fuq 125 plattina bl-ewwel sitt tiraturi jgħaddu għall-fażi finali. Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, Brian Galea u Jason J Aquilina kisbu riżultati pożittivi ta’ 120 u 116 rispettivament.
Madankollu, huma kienu l-ewwel żewġ tiraturi eliminati fil-fażi finali, b’Galea jispiċċa fis-sitt post filwaqt li Aquilina temm il-ħames. Noel Attard temm ir-raba’ f’dawn iż-żewġ rawnds u ġab l-anqas skor fir-rawnd ta’ wara biex kien eliminat.
Nicky Carabott spiċċa t-tielet wara li laqat plattina anqas minn Stephen Vella, b’tal-aħħar jilgħab il-finali kontra Nazzareno Attard. Kien tal-aħħar li laqat 40 plattina kontra t-38 ta’ Vella biex ħareġ rebbieħ.
Sadanittant, kontinġent Malti magħmul minn tiraturi żgħażagħ, din il-ġimgħa se jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja tax-Shotgun organizzat mill-ISSF fl-Italja. Marcello u Marlon Attard se jikkompetu fis-skeet, u Mikaela Galea, Mariah Busuttil u Emanuel Cachia Simpson se jikkompetu fit-trap bl-assistenza ta’ Dr. James Galea. Gianluca Chetcuti se jikkompeti fid-Double Trap u se jkollu l-għajnuna tal-kowċ Jimmy Bugeja.
Dan hi l-ewwel darba li l-Federazzjoni Maltija tal-Isparar se tkun rappreżentata minn tiraturi femminili f’avveniment tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isparar.
Il-ġimgħa d-dieħla, it-tiraturi tat-trap Brian Galea, Frans Pace u Nicky Carabott se jmorru Moska għat-Tazza tad-Dinja tal-ISSF.
//= $special ?>