“Il-Kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista għandu jkollhom iżjed responsabbilitajiet fl-amministrazzjoni tal-partit b’firxa iżjed wiesgħa fil-bini tal-politika ta’ partit.” Hekk sostna Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN f’diversi laqgħat li qed ikollu ta’ kuljum ma membri ta’ dawn il-kumitati.
“Kull membru ta’ kumitat li ltqajt magħha jew miegħu tul din il-kampanja qalli l-istess ħaġa: tuna cans nipparteċipaw fit-tfassil tal-politika tal-partit,” qal Adrian Delia. “Kollha jħossu li huma biss wżati biex iqasmu t-tesseri u jiġbru l-flus minnhom, iżda l-aspirazzjonijiet tagħhom u l-imħabba li għandhom għal partit u għal pajjiż hi ferm ikbar mill-apprezzament li jirċievu mill-amministrazzjoni ċentrali tal-partit,” sostna Delia wara dawn il-laqgħat.
“Il-mod ġdid li nixtieq li nimxu bih hu li dawn il-membri tal-kumitati jiġu involuti fil-proċess kollu,” qal Adrian Delia. Dan għandu jinkludi l-formazzjoni tal-policies tal-partit.
– Kull liġi li jipproponi l-Gvern għandha tgħaddi għand membri tal-kumitati tal-partit għal parir tagħhom.
– Kull inizjattiva tal-gvern li b’xi mod se timpatta lokalita għandha ssib r-reazzjoni tal-kumitat inkwestjoni flimkien mal-kunsilliera ta’ l-istess lokalita.
– Il-kumitati sezzjonali jridu wkoll ikunu nvoluti fl-għażla tal-kandidati għal kull elezzjoni.
– Kwalunkwe inizjattiva kummerċjali li jagħmel il-partit li b’xi mod tmiss mal-lokalita trid tiġi diskussa mal-kumitat sezzjonali ta’ dik il-lokalita.
– Il-kumitati tal-partit għandu jkollhom sehem fil-media tal-partit fi skeda li titfassal wara diskussjoni magħhom.
– Inħeġġu kumitati ta’ lokalitajiet differenti biex jidħlu fi proġetti ma xulxin u dawn isibu l-appoġġ tal-amministrazzjoni ċentrali.
Dawn huma ftit mill-proposti li ddiskuta Adrian Delia fil-laqgħat li qed ikollu. Magħhom jiżdiedu wkoll ideat oħra li tqajmu jew se jitresqu mill-istess kumitati wara l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap.
Adrian Delia tenna l-impenn tiegħu li jekk jintgħażel biex imexxi l-PN se jkunu l-membri tal-kumitati tal-partit l-ewwel nies li se jinfluenzaw it-tfassil tal-politika tal-PN. “Dan għaliex jien dħalt għal din il-kariga għaliex minn dejjem kont nemmen li l-politika għandha ssir għan-nies u mhux in-nies qedin hemm biex iservu l-politiċi kif ġieli ġara fil-passat,” temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>