Lokali

Se jinħadem mant għal Santa Marija ta’ Ħad-Dingli

L-istatwa ta’ Santa Marija Assunta ta’ Ħad-Dingli se tiżżejjen b’mant fi proġett li għandu jibda fil-jiem li ġejjin.

L-aħbar ingħatat b’sorpriża għall-komunità ta’ Ħad-Dingli mill-Arċipriet tal-lokalità, Dun Ewkarist Zammit wara li nħarġet l-approvazzjoni mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna. Kien fi tmiem il-barka sagramentali mad-dħul tal-vara, ilbieraħ filgħaxija, li fil-Knisja ngħatat l-aħbar li fil-jiem li ġejjin jibda proċess biex din il-ħolma tad-Dinglin issir realtà.

Ma’ dan il-proġett, il-komunità ta’ Ħad-Dingli qed torbot ukoll att karitattiv hekk kif parti mid-donazzjonijiet għall-mant tal-Madonna se jmorru wkoll biex jiffinanzjaw borża ta’ studju għal saċerdot minn komunità fqira barra minn pajjiżna.

Dun Ewkarist Zammit qal li dan kien il-pass li jmiss fost sensiela ta’ proġetti li twettqu f’Ħad-Dingl fl-aħħar snin. Bla dubju li l-ikbar proġett immexxi mill-Arċipriet jibqgħu d-diskussjonijiet li wasslu għall-għaqda bejn l-entitajiet differenti fil-lokalità biex dawn setgħu jiċċelebraw il-festa u jaħdmu programm ta’ attivitajiet flimkien.