Il-ġurnal in-Nazzjon illum żvela li l-biljunarju Iżraeljan Ben Steinnetz, is-sid ewlieni tal-kumpanija Bateman – u li għandu b’kollox ’il fuq minn 100 kumpanija oħra – kien arrestat aktar kmieni din il-ġimgħa, suspettat b’għadd ta’ reati finanzjarji u oħrajn. U dan bħala konsegwenza diretta tal-pubblikazzjoni tal-Panama Papers.
Il-kumpanija Bateman hi magħrufa ħafna f’Malta minħabba l-kontroversja li qalgħet (u li kienet segwita b’saħħa kbira f’Malta mill-Partit Laburista taħt Joseph Muscat) ftit tas-snin ilu meta t-tender tal-estensjoni tal-power station f’Delimara ntrebħet minn BWSC tad-Danimarka.
F’dik il-polemika, li damet tkarkar is-snin, il-Partit Laburista kien qed jallega li l-BWSC rebħet il-kuntratt b’korruzzjoni u li Bateman Engineering kellha offerta aħjar minnha. Iżda f’għadd ta’ laqgħat tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) kien irriżulta illi kieku ntgħażlet il-power station ta’ Bateman, il-pajjiż kien jidħol fi spiża addizzjonali ta’ €296 miljun aktar.
Effettivament, mix-short list ta’ tliet kumpaniji quddiem il-Kumitat tal-Kuntratti, il-BWSC ġiet l-ewwel u Bateman it-tielet. Minn dak iż-żmien sal-lum, il-power station tal-BWSC uriet li hi effiċjentissima, nadifa, u qed tiffranka lill-pajjiż madwar €1 miljun fil-ġimgħa.
Intant Ben Steinmetz kien arrestat dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus, frodi, falsifikazzjoni, ksur ta’ kuntratti, użu ta’ dokumenti foloz u tfixkil għat-twettiq tal-ġustizzja.
Haaretz, il-gazzetta ewlenija Iżraeljana, qalet li fil-Qorti l-Pulizija oġġezzjonat għall-ħelsien proviżorju ta’ Steinmetz għaliex sostniet li dan għandu kapaċità kbira biex ifixkel il-kors tal-ġustizzja u, jekk jingħata din il-libertà jara kif jagħmel biex jisfratta l-investigazzjoni dwaru.
Steinmetz hu magħruf li għandu ħbieb potenti fil-qasam politiku u wieħed minn dawn kien l-eks-Prim Ministru Ehud Olmert li kien imdaħħal sew fil-każ ta’ Bateman f’Malta. Hu kien ipprova jkellem lil Lawrence Gonzi dwar dan il-kuntratt tal-power station iżda t-tweġiba soda ta’ Gonzi kienet: “Il-politiċi ma jindaħlux fl-għoti ta’ kuntratti… dak mhux xogħolhom.”
Olmert skonta sentenza ta’ ħabs f’każ ta’ korruzzjoni f’pajjiżu.
Bateman kienet għamlet ukoll pressjoni politika fuq uffiċjali oħra tal-Gvern Malti, inkluż fuq l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UE u ma’ żewġ MEP’s Nazzjonalisti… pressjoni li kienet sabet oppożizzjoni qawwija ta’ dawn l-uffiċjali u effettivament kienet anke rappurtata.
Flimkien ma’ Steinmetz hemm arrestati numru ta’ kollaboraturi tiegħu fosthom Tal Silberstein, li hu wkoll konsulent politiku tal-Partit Soċjalista Demokratiku (bħall-PL membru tas-Soċjalisti Ewropej) li keċċieh minn din il-kariga malli tħabbar li kien arrestat mill-Pulizija.
Waqt li f’Malta kien għaddej id-dibattitu dwar ir-rebħ tal-kuntratt minn BWSC u l-Partit Laburista kien beda kampanja twila u qalila, il-Partit Nazzjonalista staqsa ripetutament għaliex ried lil Bateman meta dan kien ifisser biss spiża akbar għall-poplu. Il-PN kien semma wkoll li l-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta kien stqarr li “the Malta Labour Party had good contacts with Bateman consortium and had all details of the tenders.”
Rappreżentant ta’ Bateman kien saħansitra qal lil uffiċjali tal-Gvern Malti li huma jafu sew x’kien għaddej fil-korrispondenza tal-Enemalta – sinjal ċar ta’ kif kienet taħdem dik il-kumpanija.
Il-Pulizija Iżraeljana qed issostni li Steinmetz u sħabu sistematikament kienu jagħmlu użu minn kuntratti barra l-pajjiż, inkluż f’negozjati ta’ proprjetà u xogħol ieħor, biex il-flus jgħaddu minn id għal oħra f’eżerċizzju ta’ ħasil ta’ flus minn qligħ illeċitu li jkun ilu li sar u li jkun kważi ntesa.
Il-każ kontra Steinmetz għandu jkompli jinstema’ matul din il-ġimgħa, possibbilment anki llum stess.
//= $special ?>

