Hekk kif issa baqa’ l-aħħar ftit ġranet qabel il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jagħżlu l-Kap il-ġdid, il-kandidat Alex Perici Calascione kompla għaddej bil-laqgħat kemm fuq livell individwali kif ukoll fil-Każini u l-attivitajiet soċjali fl-ibliet u rħula f’Malta u f’Għawdex.
Alex Perici Calascione spjega li l-aktar element kruċjali fit-tmexxija ta’ partit politiku hi l-integrità, u li hi l-integrità biss li tista’ twassal biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jingħaqad u jsir wieħed rebbieħ.
Il-kandidatura ta’ Alex Perici Calascione hi waħda li toffri bilanċ għaliex filwaqt li għandu esperjenza fl-amministrazzjoni tal-Partit bħala Teżorier fl-aħħar erba’ snin – kariga li minkejja l-isfidi kbar li ġabet magħha, ġabet ukoll ir-riżultati – iġib miegħu wkoll demm ġdid minħabba l-fatt li daħal fl-istrutturi tal-Partit wara snin twal jaħdem fil-qasam legali.
Fil-kummenti tiegħu, Alex Perici Calascione rringrazzja lill-Kunsilliera għall-impenn tagħhom lejn il-Partit Nazzjonalista. “Id-deċiżjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista mhix deċiżjoni kwalunkwe, iżda ninsab fiduċjuż li kif dejjem għamlu l-Kunsilliera tal-Partit, anke din id-darba jieħdu l-aqwa deċiżjoni biex il-Partit Nazzjonalista nerġgħu nagħmluh partit rebbieħ,” qal Alex Perici Calascione.
Filwaqt li f’din il-kampanja elettorali, Alex Perici Calascione spjega l-viżjoni tiegħu li tikkonsisti f’bidliet fl-istrutturi tal-Partit, kif ukoll investiment importanti fil-media tiegħu, hu sostna li l-aktar ħaġa importanti mis-17 ta’ Settembru ‘l quddiem hi li l-Kap il-ġdid jgħaqqad lill-Partit biex jiġġieled kontra l-avversarju tiegħu: li hu l-Partit Laburista.
//= $special ?>