Sport Sport Ieħor

Il-kickboxer Malti Keith Azzopardi se jissielet għat-titlu Ewropew fi Franza

Keith Azzopardi u Shaun Falzon mal-kowċis tagħhom

F’inqas minn tliet ġimgħat, il-kickboxer professjonali Keith Azzopardi se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fi Franza, fejn se jissielet biex jikseb it-titlu Ewropew tal-World Kickboxing Network (WKN).

Azzopardi, li għandu 24 sena, se jiġġieled bout ta’ K1 fil-kategorija Lightweight, b’ħames rawnds ta’ tliet minuti kull waħda. Fit-taqtigħa għat-titlu huwa se jkun qed jiffaċċja lill-avversarju Franċiż Mathias Branchu.

B’kollox Azzopardi rebaħ 29 ġlieda, bl-aħħar waħda tkun dik li ttellgħet ix-xahar li għadda waqt il-Gladiators Fight Night f’Ħal Far, fejn rebaħ fuq avversarju ta’ livell għoli mir-Rumanija. Azzopardi hu wkoll l-ewwel kickboxer Malti li ġġieled u rebaħ fl-Awstralja. Azzopardi jitħarreġ ma’ Master Noel Mercieca fil-klabb Ying Yang – Team Noel.

F’Saint Raphael fid-9 ta’ Settembru se jkun qed jirrappreżenta lil Malta wkoll il-kickboxer Shaun Falzon, li se jiġġieled bout ta’ K1 fil-kategorija tas-77 kilogramma bi tliet rawnds ta’ tliet minuti kull waħda kontra l-avversarju Franċiż Karim Benmansour.

Falzon iġġieled ukoll kontra avversarju Franċiż fl-aħħar Gladiators Fight Night, u għadda biex rebaħ it-title belt iddedikat lill-mibki Reuben ‘The Wolf’ Azzopardi.