Wieħed minn erba’ rġiel akkużati bħala membri tal-grupp responsabbli mit-terrur riċenti f’Barċellona ammetta li ‘kien qed ikun ippjanat attakk akbar’ minn dawk li seħħew jiem ilu fi Spanja
L-imputat, Mohamed Houli Chemlal – li, jiem ilu ndarab fi splużjoni li qerdet dar fil-belt ta’ Alcanar – kien l-ewwel li xehed fost erba’ suspettati terroristi li tressqu llum taħt sigurtà kbira quddiem qorti għolja f’Madrid. Dan meta l-Imħallef interrogahom b’konnessjoni mal-attakki ta’ jiem ilu bil-vetturi li ħallew 15 mejtin u ’l fuq minn 100 midruba fil-belt ta’ Barċellona u l-madwar.
Tmien membri tal-allegat grupp terroristiku huma mejtin – b’uħud jisfaw vittma ta’ splużjoni u bl-oħrajn jinqatlu minn tiri li sparawlhom il-pulizija. Żewġ aggressuri kienu mietu fl-isplużjoni ta’ Alcanar, b’ħamsa oħra jinqatlu mill-pulizija wara li huma użaw vettura għal attakki fuq in-nies fir-resort ta’ Cambrils, sigħat wara l-istraġi f’Barċellona.
L-aħħar suspettat – Younnes Abouyaaqoub, Marokkin ta’ 22 sena, li nhar il-Ħamis saq vann għal fuq folla f’Barċellona – inqatel mill-pulizija fl-inħawi ta’ Subirats (fl-inħawi ta’ Barċellona) u fejn instab liebes ċinturin tal-isplussivi finta.
L-erba’ rġiel li tressqu l-qorti qed ikunu assoċjati ma’ sensiela ta’ reati relatati ma’ terroriżmu, omiċidju u pussess ta’ armi.
Is-smigħ f’Madrid beda bix-xhieda ta’ Chemlal, li tkellem dwar ‘l-attakk akbar li kellu jsir’, bl-osservaturi jemmnu li l-isplużjoni fid-dar ta’ Alcanar (fejn instabu 120 ċilindru tal-gass) ġiegħel lit-terroristi jibdlu l-pjani qattiela tagħhom.
It-tliet suspettati li tressqu l-qorti jinkludu Driss Oukabir, li l-passaport tiegħu instab fil-vann li kien misjuq fuq in-nies f’Barċellona. Oukabir qed jgħid li hu innoċenti u li ħuh Moussa (li nqatel mill-pulizija) kien seraqlu d-dokument.
Is-suspettati l-oħra huma Mohammed Aalla, li allegatament hu s-sid ta’ karozza li ntużat għall-attakk fuq in-nies f’Cambrils, u Sahal al-Karib, li hu akkużat li mexxa internet cafè f’Ripoll, li intuża għall-ġenerazzjoni ta’ fondi għal skopijiet militanti.
Sadanittant, il-Ministru għall-Intern Franċiż, Gerard Collomb, ikkonferma rapporti preċedenti li wħud mill-allegati terroristi kienu żaru Franza, jiem biss qabel l-attakki f’Barċellona u Cambrils.
//= $special ?>

