Internazzjonali

L-Indja: Imwaqqaf id-divorzju Iżlamiku li jidħol f’seħħ immedjat

L-Ogħla Qorti tal-Indja  iddeċidiet li l-prattika tad-divorzju li jidħol f’seħħ immedjat fil-komunitajiet Iżlamiċi hi waħda li tmur kontra l-Kostituzzjoni.

Il-verdett tal-qorti kien li din il-prattika ‘mhix waħda Iżlamika’, b’dan qed jitqies bħala trijonf kbir għall-attivisti favur id-drittijiet tal-mara.

L-Indja hi fost il-ftit pajjiżi fejn raġel Musulman jista’ jiddivorzja lil martu fi kwistjoni ta’ minuti, billi jgħid il-kelma talaq (divorzju) għal tliet darbiet.

Id-deċiżjoni storika tal-Qorti saret b’reazzjoni għall-petizzjonijiet li sfidaw it-tradizzjoni magħrufa bħala t-‘talaq trippla’.

Il-każi kienu tressqu minn ħames nisa Musulmani li spiċċaw iddivorzjati b’dan il-mod, flimkien ma’ żewġ gruppi favur id-drittijiet umani.

L-attivisti tal-kampanji favur id-drittijiet tal-mara esprimew sodisfazzjon għall-verdett storiku. Dan meta d-divorzju bil-metodu tat-talaq ma jissemmiex fil-Koran jew fil-liġi Iżlamiku tax-Sharia, anki jekk il-prattika ilha teżisti għal għexieren ta’ snin.

Filwaqt li ħafna pajjiżi Iżlamiċi, fosthom il-Pakistan u l-Bangladesh, kienu waqqfu l-prattika tat-talaq, id-drawwa kompliet fl-Indja li m’għandhiex sett uniformi ta’ liġijiet dwar iż-żwieġ u d-divorzju li japplika għal kull ċittadin.