In-Nazzjon fil-ħarġa tal-lum jiżvela d-dettalji fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mas-sejba sostanzjali ta’ droga kokaina f’appartament f’San Pawl il-Baħar is-Sibt li għadda. Il-Pulizija ressqet il-Qorti wkoll lil Sqalli akkużat bit-traffikar u l-pussess tad-droga maqbuda. Il-Pulizija qed tinvestiga wkoll aktar persuni fosthom Olandiżi, Sqalli ieħor u xi Maltin.
Ir-ritratt ewlieni fl-ewwel paġna tal-gazzetta tal-lum juri nies f’Londra jieħdu r-ritratti hekk kif ilbieraħ f’nofsinhar indaqqu l-aħħar tokki tal-Big Ben li fl-erba’ snin li ġejjin se jsiru fuqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni kemm fl-arloġġ stess kif ukoll fl-istruttura tat-torri tal-Big Ben.
Aħbarijiet oħrajn jittrattaw il-vanadaliżmu f’karozzi pparkjati fil-Park & Ride tal-Furjana, rapporti b’rabta mal-kampanja tal-erba’ kandidati li qed jikkontestaw l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-korsijiet part-time fl-MCAST u l-kwistjoni li żviluppat bejn il-Kunsilli Lokali ta’ Għajnsielem u tas-Sannat wara li l-Gvern idddeċieda li jibni demmiela fil-lokalità tal-Munxar.
Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-analiżi politika ta’ Jason Azzopardi u Mario Schiavome, u opinjoni ta’ Euchar Mizzi dwar il-festi ta’ żmienna u jekk għadhomx mument ta’ stennija ta’ ferħ.
//= $special ?>