Lokali

“Nibagħtu l-barka qaddisa u speċjali tagħna lil Malta u lill-Maltin” – Suor Maria Gracia li għal 38 sena għexet ma’ Suor Lucia

“Qed nieħu gost ħafna bikom f’din iż-żjara lill-Kappella tal-Klawsura tagħna ġewwa Coimbra fil-Portugall u aħna minn hawnhekk nibagħtu l-barka qaddisa u speċali tagħna lil Malta u lill-Maltin kollha.”

Dan il-kliem minn taħt l-ilsien u b’vuċi baxxa, fil-parti ta’ wara tal-Kappella, lissnituli Suor Maria Gracia meta f’dawn il-jiem żort il-Klawsura fejn tinsab bħala parti miċ-ċelebrazzonijiet li l-Knisja qed tagħmel bħalissa biex tfakkar iċ-ċentinarju mid-dehriet ta’ Fatima meta l-Madonna kienet tidher lil Franġisku, Jacinta u Lucia ġewwa l-grotta ta’ Fatima.

Għal bosta għexieren ta’ snin, Suor Lucia kienet il-protagonista siekta f’din il-Klawsura minħabba li eventwalment fil-ħajja tagħha ddeċidiet li tiddedika kompletament lilha nnifisha lil Alla u lill-Madonna. Kien għalhekk li għażlet dan il-Monasteru ddedikat lill-Madonna tal-Karmelu u lil Santa Tereża biex tqatta’ l-kumplament tal-ħajja tagħha fih lil hinn mill-istorbju tal-ħajja.

Suor Lucia, li l-kawża tagħha biex issir qaddisa miexja b’ritmu mgħaġġel, kienet ilha tgħix f’din il-Klawsura sa mill-1950. Hi mietet fl-2005 u tul il-ħajja miġbura tagħha kellha bosta żjarat importanti, bħal dawk mill-Papa Ġwanni Pawlu II li kien baqa’ ħaj wara l-attentat fuq il-ħajja tiegħu mit-Tork Ali Agca li kien sparalu tiri ta’ arma tan-nar mill-viċin fil-Pjazza tal-Vatikan.

Meta ħabbatt il-bieb tal-Klawsura, ftit tal-ħin wara, fetħitli l-bieb oħxon u tqil Suor Maria Gracia. Għedtilha li kont qed immexxi grupp ta’ Maltin li kienu fuq pellegrinaġġ fl-okkażjoni tal-festi tal-mitt sena mid-dehriet ta’ Fatima.

B’leħen xipli stednitna nidħlu ġewwa – il-grupp kollu ffurmat minn Maltin immexxija mill-aġenziji Euro Tours u Brittania Tours – u għamilna ftit tal-ħin quddiem is-Sagrament.

Dehriet tal-Madonna fiċ-ċella

Sadattant meta tkellimt ma’ Suor Maria Gracia qaltli li hi ilha f’din il-Klawsura għexieren ta’ snin li tulhom kellha l-opportunità li tgħix mill-qrib ma’ Suor Lucia li daqt issir qaddisa.
Suor Maria Gracia qaltli li għandha għadd ġmielu ta’ tifkiriet ta’ Suor Lucia li magħha għexet għal 38 sena sħaħ.
Hu sigriet magħruf li tul is-snin li Suor Lucia għamlet fil-Klawsura regolarment kien ikollha dehriet mill-Madonna fiċ-ċella tagħha stess. Nifhmu li dawn id-dehriet – għalkemm qatt żvelat il-kontenut tagħhom – huma b’xi mod rekordjati.

Meta fi tmiem iż-żjara rringrazzjajtha għan-nom tal-grupp kollu, Suor Maria Gracia qaltli li kienet qed tibgħat il-barka qaddisa u speċjali tal-Klawsura kollha lil Malta u lill-Maltin kollha. Messaġġ li jien apprezzajt ħafna u li tiegħu irringrazzjajtha.

Il-mitt sena mid-dehriet tal-Madonna

Is-sinifikat ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kbar li l-Knisja qed tagħmel f’dawn il-jiem ikompli jikber wara li f’Mejju li għadda l-Papa Franġisku ikkanonizza lill-aħwa Franġisku u Jacinta Marto li flimkien mal-kuġina tagħhom Suor Lucia, 100 sena ilu kienet dehritilhom il-Madonna u għadditilhom messaġġ ta’ paċi għad-dinja kollha.

Eluf kbar ta’ Kattoliċi minn madwar id-dinja – inkluż numru ta’ Maltin – f’Mejju li għadda kienu nġabru fil-pjazza maestuża ta’ Fatima u attendew għal dak l-avveniment storiku f’għeluq iċ-ċentinarju minn dik il-ġrajja storika.
Kien it-13 ta’ Mejju tal-1917 meta waqt lit-tliet itfal foqra kienu qed jirgħu l-merħla tal-familja tagħhom dehritilhom il-Madonna.

Huma jgħidu li l-Madonna wasslitilhom tliet ‘sigrieti’: wieħed dwar it-Tieni Gwerra Mondjali, ieħor dwar il-waqa’ tal-Komuniżmu u t-tielet wieħed li nkixef ftit tas-snin ilu minn Suor Lucia, dwar il-mewt ta’ Papa.
Il-Madonna kienet ħeġġithom jitolbu u jindmu. Kien fl-1930 li l-Knisja Kattolika aċċettat li dawn kienu dehriet awtentiċi.

Meta dehritilhom il-Madonna, Franġisku u Jacinta kellhom 9 u 7 snin. Huma mietu sentejn wara meta waqgħu vittmi ta’ mxija ta’ influwenza qerrieda.

Suor Lucia dos Santos, mietet fl-2005, fl-eta’ ta’ 98 sena u dalwaqt tkun beatifikata.

Il-Papa Franġisku bħal predeċessur tiegħu Ġwanni Pawlu II għandu devozzjoni kbira lejn il-Madonna ta’ Fatima u hu fatt magħruf li qabel kull vjaġġ li jagħmel barra l-Vatikan imur ipoġġi fjura f’riġlejn statwa tagħha li hemm fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma.

Waqt il-vjaġġ tiegħu lejn Fatima l-Papa talab lill-Kattoliċi biex jingħaqdu miegħu fiżikament jew spiritwalment biex b’qalb waħda jintelqu f’riġlejn il-Madonna u jitolbuha turihom it-triq li twassal għand Alla.

Intant il-pellegrini Maltin u Għawdxin li ħadu sehem fil-pellegrinaġġ ġewwa Fatima organizzat mill-Euro Tours u Brittannia Tours temm l-impenji tiegħu fil-Portugall f’dawn il-jiem ta’ festa fejn attenda għad-diversi funzonijiet liturġiċi.

Fl-istess waqt il-grupp kien ‘il bogħod minn diversi inċidenti kbar ta’ ħruq ta’ foresti li bħalissa jinsab taħthom il-Portugall fejn bosta żoni huma maħkuma minn nirien kbar tant li fi tmiem il-ġimgħa l-oħra kienu qed jissieltu kontra n-nirien mas-7,000 pumpier. Diġà hu kalkulat li nqerdu mal-140,000 ettaru ta’ art kaġun tan-nirien kawża tax-xemx qalilha li qed tagħmel u t-temperatura għoljin.