Elezzjoni Kap PN Lokali

Sistema edukattiva li tiftaħ l-imħuħ u ma żżidx stress fuq uliedna – Adrian Delia

“Pajjiżna għandu bżonn ta’ pjan fit-tul biex is-sistema edukattiva isservi biex tiftaħ l-imħuħ tat-tfal tagħna u ma żżidx stress żejjed fuq uliedna.” Dan qalu Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN, f’messaġġ li bagħat lill-kunsilliera, tesserati u membri tal-Kumitati tal-partit.

Hekk kif il-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap PN waslet biex tintemm, Adrian Delia għażel li jiddedika din il-ġimgħa għal tema importanti u li tmiss in-nies mill-qrib: l-edukazzjoni.

Hu jemmen li waqt li hu ta’ importanza li nitkelmu dwar l-istrutturi tal-partit u kif il-PN jista’ jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, hemm temi ta’ importanza nazzjonali bħall-edukazzjoni, il-qasam soċjali, l-ekonmoija u l-ġustizzja li ma jistgħux jiġu injorati. Dan għaliex il-Kap Nazzjonalista se jkun ukoll Kap tal-Oppożizzjoni u futur Prim Ministru, b’hekk il-poplu kollu għandu jkun jaf kif jaħsiba l-bniedem li se jokkupa din il-kariga.

“Hemm min qed jintilef jattakka personali biex jagħti xi vantaġġ lil xi kandidat ieħor, iżda jien nippreferi nitkellem dwar it-temi li jolqtu l-ħajja tan-nies, għaliex jekk mhux se nagħmlu differenza fil-ħajja tal-poplu allura m’hemm l-ebda raġuni għalfejn in-nies tagħżel lilna fuq il-Partit Laburista,” qal Adrian Delia.

Marbut mal-messaġġ tiegħu, Adrian Delia jemmen li s-sistema edukattiva tagħna servietna biex pajjiżna jipproduċi ħaddiema struwiti, gradwati u professjonisti f’oqsma differenti, iżda l-istess sistema ħolqot stress qawwi fuq uliedna u dan għandu riperkussjonijiet fuq is-soċjetà.

“Għandna bżonn ta’ pjan strateġiku biex pajjiżna jassigura li dak li qed jitgħallmu wliedna verament se jservihom fil-ħajja professjonali tagħhom. B’hekk nemmen li s-sistema edukattiva għandha bżonn ta’ reviżjoni,” tenna Adrian Delia waqt li sostna li m’hemmx aħjar mill-għalliema infushom biex ituna l-pariri tagħhom dwar is-sistema edukattiva. Delia jemmen li l-pajjiż mhux jisma’ biżżejjed dak li għandhom xi jgħidu l-professjonisti fil-qasam edukattiv meta huma l-għalliema li jgħixu ġurnata b’ġurnata mat-tfal fl-iskejjel.

“L-esperjenza edukattiva għandha tkun waħda li tiftaħ l-imħuħ tat-tfal u mhux  tgħabbihom bi problemi li m’għandhomx bżonn. Il-Mod Ġdid li noħlom li mmexxu bih hu jkolna sistema edukattiva li taqdi lit-tfal u mhux indeffsu lit-tfal biex naqdu s-sistema,” temm jgħid Adrian Delia.