Fil-politika trid tieħu deċiżjonijiet diffiċli kuljum. L-esperjenza fil-politika tgħallmek li l-politika ma ssirx bi kliem sabiħ, għajjat u storbju, iżda b’għaqal, b’maturità u bi bżulija.
Fost id-deċiżjonijiet diffiċli li ħadna bħala Kabinett immexxi minn Lawrence Gonzi kien hemm dik li rrifjutajna li nibagħtu lura żewġ bdoti Libjani lejn il-Libja li kienu fittxew kenn f’pajjiżna. Dan minkejja l-pressjoni mid-dittatur Muammar Gaddafi, li dak iż-żmien kien għadu jgawdi appoġġ f’pajjiżu. Kienet deċiżjoni diffiċli ħafna li seta’ kellha riperkussjonijiet kbar fuq pajjiżna, iżda ħadniha b’għaqal u b’maturità għax hekk kienet titlob is-serjetà. Dakinhar konna fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Qal dan il-kandidat ghall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister Chris Said meta t-Tnejn filgħaxija indirizza l-kunsilliera, tesserati u attivisti fil-każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħ’Attard.
Fit-tletin sena li ilni fil-politika rajt minn kollox u, bħala Segretarju Parlamentari u Ministru ħadt deċiżjonijiet li pajjiżna għadu jgawdi l-frott tagħhom, fosthom ir-riforma li għamilt fil-Kunsilli Lokali, b’aktar riżorsi u responsabbiltajiet. Waqqaft l-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni, stabbilejt il-MEUSEC, saħħaħt l-MCESD, varajt inizjattivi li permezz tagħhom ipprovdejt akkomodazzjoni soċjali lil ħafna familji fil-bżonn u raħħast il-prezzijiet ta’ mijiet ta’ mediċinali. Bħala Segretarju Ġenerali, f’sentejn waqqaft l-emoraġija finanzjarja tal-partit u fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li kont responsabbli għalihom jiena rbħana l-lokalitajiet tal-Mosta u San Pawl il-Bahar filwaqt li żidna l-voti fl-lokalitajiet bħas-Siġġiewi. Issa determinat li nuża’ l-esperjenza ta’ tletin sena biex bi bżulija u b’integrità nġedded il-Partit Nazzjonalista u nagħmlu mill-ġdid partit rebbieħ, qal Chris Said.
Chris Said spjega kif il-politika mhix miżuri li ma jsarrfux fit-tul – bħalma kienu l-mijiet ta’ impjiegi li ngħataw f’Għawdex lejlet l-elezzjoni biex jaqilbu r-riżultat li, skont sondaġġi ftit qabel tħabbret l-elezzjoni kienu qed jagħtu rebħa lill-Partit Nazzjonalista f’Għawdex. Il-politika għaqlija tfisser deċiżjonijiet tajbin li joħolqu x-xogħol li jrendi fit-tul. Li timpjega għaxar haddiema biex jieħdu ħsieb ċima ta’ vapur, jew għexieren ta’ ħaddiema biex jagħmlu għassa fiċ-Ċittadella, dik mhix politika sostenibbli għax fi ftit xhur tfalli u jweġgħu l-istess ħaddiema, qal il-kandidat għal Kap tal-PN Chris Said.
Ma kull min niltaqa’, kunsilliera, tesserati u attivisti, jgħiduli li dan hu żmien ta’ sfidi kbar għall-Partit Nazzjonalista. In-nies iridu tiġdid, imma jridu li dan isir bil-galbu, b’għaqal, b’maturità; u b’serjetà. L-esperjenza ta’ tletin sena li għandi fil-politika tpoġġini f’pożizzjoni unika biex inġedded il-Partit Nazzjonalista. Jien lin-nies nafhom, ħadd mhu se jimlini kontra ħadd billi jieħu vantaġġ minni għax ma nafx lin-nies. Jien tlajt l-iskaluni tal-partit tarġa tarġa u allura naf individwalment lill-kunsilliera, tesserati u attivisti, qal Chris Said. Miegħi min hu ġenwin ma jinkinisx ‘il barra għax l-unika ħtija tiegħu hi li ilu attiv fil-partit. Min ilu attiv fil-partit irridu miegħi bħal ma rrid miegħi lil min beda jinvolvi ruħu riċentament jew beħsiebu jibda jinvolvi ruħu, qal il-kandidat għal kap tal-PN.
Intant, il-Ħadd filgħaxija Chris Said żar il-Fiera Nazzjonali tat-Teknologija u Innovazzjoni organizzata mill-Kunsill Nazzjonali taz-Żghażagħ. Chris Said qal li huma f’attivitajiet bħal dawn li wieħed jixhed mill-qrib l-entużjażmu u l-enerġija taż-żgħażagħ li fihom pajjiżna jrid jinvesti sabiex il-ħsibijiet u l-ħolm tagħhom isiru realtà u jassiguraw is-suċċess ta’ dan il-pajjiż, qal Chris Said
It-Tlieta filgħodu Chris Said mar fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ The Times of Malta fejn hemm irrisponda l-mistoqsijiet kollha li staqsewh il-ġurnalisti. L-istess għamel ftit ġranet ilu meta mar fil-kmamar tal-aħbarijiet ta’ One News; The Malta Independent; tal-PBS u ta’ MediaLink.
Poġġejt lili nnifsi għall-iskrutinju tal-ġurnalisti għax ma għandi xejn x’naħbi. Jien ktieb miftuħ mhux kaxxa magħluqa. Jekk tagħżlu lili bħala Kap tal-PN ma tkunux qed tagħmlu qabża fid-dlam. Miegħi what you see is what you get: tletin sena ta’ esperjenza fil-politika, bżulija, integrità u tiġdid. Determinat li nġib bidla ġdida għall-PN, bidla li tibni fuq it-tajjeb li sar u dak li sar ħażin jinbidel. Flimkien nissaħħu biex nirbħu, qal il-kandidat ghall-Kap tal-PN u Shadow Minister Chris Said.Tafuni. Minix kaxxa magħluqa – Chris Said
//= $special ?>