Sport Sport Ieħor

Tennis – Victoria Azarenka tirtira mill-Open tal-Istati Uniti

Victoria Azarenka

Id-darbtejn champion tal-Open tal-Awstralja Victoria Azarenka qalet li mhux se tieħu sehem fl-Open tal-Istati Uniti minħabba problemi familjari l-iktar minħabba t-tarbija tagħha u għaliex għadha kif isseparat mis-sieħeb tagħha li hu wkoll missier it-tarbija.

Azarenka li għamlet żmien tokkupa l-ewwel post fir-rankings dinjija, qalet li l-ebda omm m’għandha tabbundunha lill-uliedha minħabba l-karriera.

Azarenka li hi mill-Belarus u li għanda 28 sena, f’Diċembru li għadda kellha tifel, Leo, u kien biss f’Ġunju li għadda li hi rritornat fix-xena internazzjonali.

Iżda ftit wara t-turnament ta’ Wimbledon fejn hi kienet eliminata minn Simona Halep fir-raba’ rawnd, hi kienet ħabbret li kienet isseparat minn mas-sieħeb tagħha.

Azarenka permezz ta’ Twitter kitbet li biex tieħu sehem fl-Open tal-Istati Uniti hi trid tħalli lit-tifel warajha f’California, xi ħaġa li mhux lesta li tagħmel.

Azarenka qalet li hi ottimista li hi hu missier it-tifel iwarrbu d-differenzi ta’ bejniethom u jsibu l-aħjar soluzzjoni biex it-tliet jkunu jistgħu jivvjaġġaw u hi tkun tista’ tikkompeti. Azarenka waslet darbtejn sal-final tal-Open tal-Istati Uniti fl-2012 u fl-2013 iżda fid-darbtejn kienet megħluba minn Serena Williams.

Azarenka semmiet id-diffikultajiet kbar biex iżżomm bilanċ bejn il-karriera u t-trobbija tal-ulied, iżda tenniet li l-prijorita’ għandha tingħata dejjem lill-ulied.

L-Open tal-Istati Uniti jibda nhar it-Tnejn li ġej.