Internazzjonali

IT-TERREMOT FL-ITALJA: Isalvaw tliet aħwa fl-inħawi ta’ Ischia

Mhux magħruf sa issa jekk kienx hemm Maltin fuq il-gżira

L-awtoritajiet Taljani fil-gżira ta’ Ischia, ‘il hinn mill-kosta ta’ Napli, irnexxielhom isalvaw tliet aħwa – tarbija u żewġ subien — li nqabdu taħt ir-radam tad-dar tagħhom wara terremot kbir li laqat in-naħa t’Isfel tal-Italja, matul il-lejl tat-Tnejn.

L-iskwadri għall-emerġenza konfermaw li salvaw tifel ta’ 11 il-sena u lil ħuh ta’ tmien snin, b’dan iseħħ sigħat wara li l-iskwadri kienu tellgħu tarbija ta’ seba’ xhur —  membru tal-istess familja – minn qalb it-terrapien li rriżulta mit-terremot li rreġistra 4.0 fuq l-Iskala Richter.

Il-mument meta l-iskwadri tellgħu lit-tarbija, bl-isem ta’ Pasquale, minn qalb il-fdalijiet ta’ daru, intlaqa’ b’għajjat ta’ ferħ kbir. Dan ftit sigħat wara li l-ġenituri tiegħu kienu qajjmu l-allarm wara li huma wkoll irnexxielhom isalvaw mir-residenza mfarrka.

L-iskwadri għas-salvataġġ issuktaw bil-ħidma biex isalvaw lill-aħwa ta’ Pasquale – Ciro (ta’ 11 il-sena) u Mattias – li kienu nħbew taħt sodda waqt it-terremot u li setgħu jingħataw l-ilma fost l-isforzi tas-salvataġġ. Il-fatt li l-aħwa rnexxielhom jiżgiċċaw minn ħalq il-mewt qanqal splużjoni ta’ ferħ u applawż min-nies u qraba li nġabru fl-inħawi biex jassistu l-impenn għall-fejda.

Sadanittant, fit-terremot mietu talanqas żewġ nisa, b’waħda titlef ħajjitha wara li ċediet għal fuqha parti minn knisja. L-awtoritajiet, imbagħad, sabu l-katavru ta’ mara oħra qalb it-tifrik ta’ bini ieħor. Ingħad li talanqas 40 sfaw midruba fl-istess terremot.

Il-gżira ta’ Ischia, li għandha popolazzjoni ta’ xi 50,000, hi popolari ħafna mat-turisti li jżuru l-Italja f’dawn iż-żmenijiet tas-sena. Fil-ħin meta laqat it-terremot, kien hemm ħafna turisti fil-bars u r-ristoranti lokali, b’uħud, aktar tard, jirrakkuntaw dwar l-esperjenza kerha li għaddew minnha fost ‘renju ta’ dlam u paniku fl-inħawi.

Il-bini li ġarrbu l-ħsarat jinkludu l-lukandi u d-djar, fost rapporti li partijiet kbar ta’ Ischia spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl. Madwar 1,500 resident ta’ Ischia, fl-istess ħin, spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.

Bejn il-lejl tat-Tnejn u llum żdiedu s-servizzi tal-ferry minn Napli għal Ischia, bil-għan li jitwasslu aktar nies biex jgħinu l-ħidma tas-salvataġġ u biex it-turisti jitilqu mill-gżira mġarrba. Ingħad li, b’kaġun taċ-ċirkustanzi, għexieren ta’ turisti kellhom jieqfu ħesrem mill-btajjel tagħhom fost preparamenti biex jitilqu lura pajjiżhom.

Dan waqt li kelliema għall-fergħa Taljana tas-Salib l-Aħmar ikkonfermaw li huma kienu qegħdin jaħdmu mal-awtoritajiet lokali f’dik is-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

 

Mhux magħruf sa issa jekk kienx hemm Maltin fuq il-gżira ta’ Ischia.

Is-sena li għaddiet, terremot qawwi kien ħalla ħerba fir-reġjun ta’ Amatrice u l-madwar, b’diversi theżżiżiet li baqgħu jinħassu għal jiem sħaħ.

SEGWI D-DOKUMENTARJU LI SAR MINN CREW TA’ DAN L-ISTAZZJON ILLI ŻAR AMATRICE IS-SENA LI GĦADDIET