Lokali

AĠĠORNATA BIL-FILMATI – “Niftaħ il-Knisja u nsib din l-istraġi” – Patri Martin Coleiro

Xeni li normalment wieħed ixebbaħhom ma’ effetti ta’ theżżiża. Din kienet ix-xena li sab quddiemu Patri Martin Coleiro, il-Gwardjan tal-Knisja ta’ Ġieżu meta fis-sitta nieqes kwart tal-Erbgħa filgħodu, mar biex jiftaħ il-Knisja u jħejji għall-quddiesa tal-ewwel.

Il-parti kollha tas-saqaf ta’ fuq l-artal maġġur ċediet u bħalissa, membrane biss qed iżomm milli l-knisja tkun esposta għall-elementi.

Patri Martin qal li minkejja li l-patrijiet jorqdu fil-kunvent biswit il-Knisja, ħadd ma’ sema xejn iżda xi ħadd mill-ġirien qal li sema’ ħoss qawwi għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu. Filwaqt li  rringrazzja lil Alla li l-inċident seħħ bil-lejl u mhux waqt xi quddiesa, il-patrijiet qed jagħmlu rendikont tal-ħsara. Fortunatament, jidher li mill-ewwel stħarriġ li sar mill-periti, ma jidhirx li l-bqija tal-istruttura tinsab f’periklu.

Patri Martin qal li hu, flimkien mal-komunita’ ta’ patrijiet, iħossuhom moralment imkissrin minħabba li kien għadu kemm intemm programm ta’ restawr fuq il-Knisja li dam għaddej sentejn.

Patri Martin appella għat-talb kif ukoll għall-għajnuna minn kulmin jista’

L-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles Scicluna żar il-Knisja iktar tard filgħodu fejn offra s-solidarjeta’ tiegħu lill-patrijiet u l-komunita’ Ġużeppina kif ukoll mexxa talba fuq il-post.  Hu rringrazzja lill-Gvern li immedjatament offra l-għajnuna biex tibda l-ħidma ta’ tiswija u appella biex inħarsu l-wirt tagħna.

Iktar tard żaret il-Knisja il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jintervjeni b’mod immedjat biex jiġi evitat li ssir aktar ħsara.

Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Kultura u l-Media Karl Gouder qal li l-Knisja ta’ Ġieżu, mhux biss post reliġjuż iżda ġawhra Maltija, mhux biss mar-Rabtin iżda anki ma’ miljuni ta’ turisti li jżuru pajjiżna.

Filwaqt li wassal is-solidarjeta’ tiegħu mal-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani u l-Komunita’ Rabtija, il-PN temm li jappoġġja kull tip ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex jibda x-xogħol.

Intant fi stqarrija, il-Gvern qal li filgħodu stess intbgħtu ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex joffru s-servizzi tagħhom sabiex tkun magħrufa l-ħsara li saret, u jibdew ix-xogħlijiet fuq il-Knisja kemm jista’ jkun malajr.

Il-Prim Ministru għamel kuntatt mal-Patrijiet Franġiskani Minuri u l-Arċisqof biex joffri l-għajnuna tal-Gvern.