Atletika Sport

ATLETIKA – Gatlin jitlob apoloġija lill-partitarji

Justin Gatlin

L-atleta Amerikan Justin Gatlin talab apoloġija lill-patitarji għal meta fil-passat għamel użu minn sustanzi ipprojbiti.

F’nofs Awwissu Gatlin ħasad lid-dilettanti tal-atletika meta rnexxielu jirbaħ il-finali tal-100 metru fil-Kampjonat tad-Dinja f’Londra, u seraq ix-xena minn Usain Bolt li kien qed jimmira li jtemm il-karriera fl-aħħar tiġrija individwali b’rebħa.

Minkejja staġun anqas spettakolari minn dawk passati, Bolt kien mistenni li jikseb ir-raba’ suċċess fil-Kampjonat tad-Dinja iżda minflok kellu jikkuntenta bil-midalja tal-bronż.

Minflok, kien il-kontroversjali Gatlin li kiseb it-tieni suċċess fil-Kampjonat tad-Dinja, 12-il sena wara li kien rebaħ f’Helsinki biex dakinhar kien segwa s-suċċess fl-Olimpjadi tal-2004.

Gatlin li kien sospiż darbtejn fuq doping sellem lil Bolt wara li qasam il-linja, biż-żewġ atleti jgħannqu lil xulxin.

Iżda kif ir-riżultat finali deher fuq l-iscreen tal-istadium, il-folla Ingliża li tpaxxiet b’Usain Bolt fl-2012, saffret għall-aħbar li Gatlin kien ir-rebbieħ, bl-Amerikan iżommu is-sebgħu quddiem ħalqu, f’mossa ta’ silenzju.

“Weġġajt meta smajt lill-partitarji jsaffruli. Jien wara kollox ma kontx hemm biex nirrappreżenta lili nnifsi imma lil pajjiżi u lill-partitarji tiegħu. Dawk li għamlu dan fil-konfront tiegħui żgur ma jafunix,” qal Gatlin fl-ewwel kummenti tiegħu.

“Meta bdejt nisma t-tisfir bdejt ninnota ħafna partitarji li bilkemm għandhom nofs l-età tiegħi. Żgur li jafux x’ġara eżattament fl-2004 u fl-2006. Ma jistgħux jifhmu minn xiex għaddejt. Madankollu jekk iridu apoloġija jien lest nagħmel dan.

Niskuża ruħi għal ħażin li għamilt f’dan l-isport. Kien biss żball għax jien inħobb lil dan l-isport u għalhekk għamilt minn kollox biex nirritorna fl-azzjoni u nipprova nirbaħ l-unuri,” kompla jgħid Gatlin.