Lokali

FILMAT: Jgħajjat ‘Allahu Akbar’ waqt funeral fil-Marsa

Ir-raġel ma kienx armat u l-anqas ma ndarbu persuni fl-inċident

Aġġornata b’filmat

Il-Pulizija kellhom jissejjħu fil-Marsa wara li raġel ta’ nazzjonalità barranija beda jgħajjat ‘Allahu Akbar’ waqt li kien għaddej funeral fil-Knisja tat-Trinità Qaddisa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.30 ta’ filgħodu. Għall-bidu kien hemm rapporti konflinġenti dwar jekk ir-raġel daħalx fil-Knisja jgħajjat ‘Allahu Akbar’ jew inkella jekk bediex jgħajjat dan il-kliem fuq iz-zuntier tal-istess knisja, iżda aktar tard beda jsir ċar li l-kommossjoni nqalgħet barra l-Knisja, fl-inħawi taz-zuntier u Triq Balbi.

Kelliem għall-Pulizija qal li kellhom jissejjħu Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun kif ukoll Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit biex setgħu jikkontrollaw u jikkalmaw lir-raġel ta’ 29 sena peress li dan kien qed ikun “aggressiv bi kliemu”. Filmat li xxandar fuq Facebook, juri lill-Pulizija jeskortaw lir-raġel.

Kollox jindika li fl-inċident ma weġġa’ ħadd. Ir-raġuni għaliex ir-raġel ġab ruħu hekk għadha mhix magħrufa. L-anqas mhu magħruf jekk ir-raġel hux se jkun qed jitressaq il-Qorti b’xi akkuża.

Filmat (fuq): Adrian Zammit (Facebook)

Ritratt: Il-Knisja tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa (Google Street View)