“Il-ħatra tat-tifla tal-Ministru Josè Herrera bħala ġudikant hija l-agħar eżempju ta’ nepotiżmu”. Il-Partit Nazzjonalista qal dan b’reazzjoni għall-aħbar żvelata mill-gazzetta Times of Malta, li t-tifla tal-Ministru Laburista nħatret Kummissarju għall-Ġustizzja.
Skont The Times, it-tifla ta’ Josè Herrera għandha 25 sena u rċeviet il-warrant ta’ avukat fi Frar li għadda. Dan ifisser li qabel ingħatat din il-ħatra ta’ Kummissarrju għall-Ġustizzja, Martina Herrera ma kinitx ila aktar minn 5 xhur tipprattika bħala avukat.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li minbarra li hu ovvju li ntgħażlet biss għaliex hi t-tifla ta’ Ministru fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat, il-ħatra ta’ Martina Herrera fi rwol importanti fil-ġustizzja f’pajjiżna jkompli jtappan dan is-settur kruċjali f’pajjiżna.
Fir-rapport ta’ The Times intqal li l-Uffiċju tal-Prim Ministru qal li l-ħatra tagħha saret skont proċeduri normali wara li isimha tressaq il-quddiem mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.
Imma l-aħbar tal-ħatra tat-tifla tal-Ministru Herrera bħala Kummissarju għall-Ġustizzja ġabet ir-reazzjoni tal-NGO dwar id-drittijiet tal-bniedem ‘Aditus’, li fuq Facebook iddeskriva din il-ħatra bħala waħda “redikola”, b’Ministru tal-Ġustizzja li qed jarmi għal kollox l-aktar prinċipji bażiċi ta’ demokrazija. L-Aditus qalet li b’din il-ħatra, fl-aħħar mill-aħħar, se jbatu biss dawk kollha li se jispiċċaw tribunal quddiemha.
https://www.facebook.com/aditus.accessingrights/posts/1448070058607086
Reazzjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li permezz ta’ Twitter qal li din il-ħatra hija insult lejn l-istudenti kollha li jaħdmu fuq li jaħdmu biex jiggradwaw mill-Università. Dan fl-isfond tal-fatt li t-tifla tal-Ministru nħatret Kummissarju għall-Ġustizzja ftit xhur wara li ħarġet mill-Università.
Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista fakkar li matul l-aħħar erba’ snin, bil-ħatriet li għamel fil-kamp ġudizzjarju, il-Gvern Laburista poġġa’ bosta dubju fuq il-proċess tal-ġustizzja f’pajjiżna, fost l-oħrajn b’ħatriet bħall-eks Deputat Mexxej Laburista bħala Imħallef kif ukoll persuni viċin ħafna t-tmexxija tal-Gvern f’karigi ta’ ġudikanti.
“Il-ġustizzja mhux biss għandha ssir, iżda trid tidher li qed issir. B’ħatriet bħal dawn, sfortunatament, in-nies qed jitilfu l-fiduċja fil-ġustizzja f’pajjiżna,” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>This brazen #nepotism is an insult to all students who work so hard to make it through university. @mzpnmalta @AzzopardiJason https://t.co/3FUW5RQ3zA
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) August 23, 2017