Lokali

Il-ħidma ta’ ‘Happy Paws’ f’riskju li titwaqqaf wara serqa ta’ ACs

It-tmexxija ta' 'Happy Paws' tappella għall-għajnuna

Serqa ta’ numru ta’ units ta’ air-conditioning mill-klinika tal-annimali ‘Happy Paws’ poġġiet il-funzjoni tal-klinika f’riskju li jkollha titwaqqaf.

Jirriżulta, li l-units tal-air-conditioning huma essenzjali fil-funzjoni tal-klinika, u għaldaqstant, jekk ma jitwaħħlux units ġodda mill-aktar fis, il-klinika jkollha twaqqaf l-operat tagħha. Dan ifisser li jkollhom jiġu posposti numru ta’ operazzjonijiet pendenti fuq l-annimali.

F’kuntatt ma’ NET News, il-management ta’ ‘Happy Paws’ fakkar li din il-klinika tal-annimali hija organizazzjoni karitattiva, u għaldaqstant m’hemmx ir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex l-apparat jiġi mibdul.

Apparti għajnuna finanzjarja biex jinxtraw units ġodda, il-klinika qed tappella lill-pubbliku biex jersaq b’xi informazzjoni dwar min seta’ seraq dawn il-units.

Happy Paws hija l-istess klinika li kienet operat lill-qattusa li ftit ilu kienet instabet b’50 pellet ġo ġisimha. Din il-qattusa kienet ġiet salvata.

Att ieħor ta’ moħqrija fuq l-annimali: Qattusa milquta b’iktar minn 50 ċomba!