Permezz ta’ stqarrija, il-Partit Nazzjonalista tenna l-appoġġ tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport, u dan b’mod partikolari fid-dawl tal-abbozz ta’ liġi li ġie mħejji mit-Task Force mmexxija mill-MFA u li fiha l-Oppożizzjoni kienet parteċipi matul ix-xhur li għaddew.
L-istqarrija ġiet ippublikata wara d-diskors li sar minn naħa tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima li żvela li I-liġi ġdida li ser titressaq fil-Parlament tipproponi pieni ta’ ħabs u multi aktar ħorox biex tiħrax il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isports. Grima kompla billi qal qal li l-pieni jirriflettu r-realtajiet tal-lum u għandhom iservu ta’ deterrent.
Mill-bidu tat-twaqqif tat-Task Force fl-2015, l-Oppożizzjoni, rrapreżentata mid-Deputati David Agius u Jason Azzopardi, kellha rwol attiv fit-tfassil tal-abbozz ta’ liġi li issa mistenni jiġi ppreżentat fil-Parlament.
L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex fl-aħħar ta’ dan il-proċess ma tiddaħħalx firda politika bla bżonn. L-abbozz ta’ liġi tfassal u sar ix-xogħol fuqu minn Task Force li tmur lil hinn mill-politika partiġġjana, u għalhekk, il-proċess kollu għandu jżomm lil hinn mill-politika partiġġjana.
Fil-fatt, f’ittra aktar kmieni dan ix-xahar, l-Oppożizzjoni nfurmat lill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo li l-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni approva l-abbozz ta’ liġi u li lest li jippreżentah fil-Parlament f’isem it-Task Force.
Għall-Oppożizzjoni, l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport mhix xi ħaġa ta’ natura partiġġjana, u se tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha għall-abbozz ta’ liġi mfassal mill-imsemmija Task Force.
//= $special ?>