Elezzjoni Kap PN Lokali

“Il-politika ssir minn isfel għal fuq u mhux bil-kontra” – Alex Perici Calascione

“Biex tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies, il-politika għandha ssir minn isfel għal fuq u mhux bil-kontra. L-aqwa politiċi huma dawk li kapaċi jisimgħu, jgħarblu u jieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn f’ħinhom u f’waqthom. Politiku ma jistax jippretendi li jiddetta l-affarijiet kif irid hu, għaliex il-politiku qiegħed hemm biex iservi.” Dan kien il-messaġġ tal-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione f’sensiela ta’ laqgħat li qed jagħmel fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista madwar Malta u Għawdex.

Alex Perici Calascione kien ċar fi kliemu: bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista se jassigura li l-Kumitati Sezzjonali jkollhom rwol aktar attiv fit-tfassil tal-politika tal-Partit.

Filwaqt li rrikonoxxa li fl-aħħar ftit snin, il-membri tal-Kumitati Sezzjonali ntalbu jagħmlu sagrifiċċji kbar, b’mod partikolari biex jiġbru flus b’mod regolari, Alex Perici Calascione qal li issa wasal iż-żmien li nħarsu lejn l-għeruq tagħna – li huma l-Kumitati Sezzjonali – u nieqfu u nisimgħu qabel niddeċiedu.

Alex Perici Calascione rrefera wkoll għall-Fergħat tal-Partit, li fl-aħħar erba’ snin taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil ingħata rwol aktar ċentrali fit-tfassil tal-politika tal-Partit. Hu qal li se jkompli jibni fuq it-tajjeb li wettqu l-fergħat tal-Partit, filwaqt li jrid jara aktar nies minn barra l-Partit jissieħbu u jagħtu s-sehem tagħhom.

Alex Perici Calascione sostna li fuq kollox, l-aqwa arma li għandu jkollu l-Partit Nazzjonalista biex mill-ġdid isir partit rebbieħ hi l-għaqda. L-għaqda takkwista mhux bit-tisbit tas-saqajn jew bl-għajjat, iżda bid-determinazzjoni, l-għaqal u l-integrità, temm jgħid Alex Perici Calascione.