Numru ta’ persuni li weġġgħu fl-inċient waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina ippreżentaw protest ġudizzjarju, li fih qed jitolbu kumpens għall-feriti li sofrew, mingħand il-President ta’ Malta Marie Lousie Coleiro Preca u membri tal-Kumitat Organizzattiv.
Il-persuni li weġġgħu fl-inċident qed isostnu li l-organizzaturi huma responsabbli għall-inċident. Huma taw għaxart ijiem ċans lill-organizzaturi biex iħallsuhom id-danni, inkella jkomplu bi proċeduri legali.
Fl-inċident kienu weġġgħu 23 persuna, meta karozza b’veloċità (‘supercar’) baqgħet dieħla fin-nies waqt l-attvità f’Ottubru 2015. Uħud minn dawk li weġġgħu għadhom qed jingħataw trattament mediku fuq bażi regolari.
Minkejja li d-danni għadhom mhux ikkwantifikati, jirriżulta li dawn jistgħu jammontaw għal ammonti kbar. Dwar dan il-każ inetħet Inkjesta Maġisterjali, li stabbiliet li l-ħtija ewlenija kienet tax-xufier Paul Bailey.
Kien stabbilit li Bailey ma kienx xufier professjonali u li l-inċident seħħ kaġun ta’ veloċità eċċessiva, kif ukoll nuqqas ta’ teknika u kapaċità kif il-karozza tkun ikkontrollata. L-Inkjesta stabbliet ukoll li ma kienx hemm ħsarat tekniċi fil-karozza.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera kienet ħelset lill-President ta’ Malta minn kull responsabbiltà u kkonkludiet li l-President ma kienet bl-ebda mod involuta fl-organizzazzjoni jew laqgħat preparatorji tal-attività.
Madankollu, din il-konklużjoni kienet ikkritikata min-numru ta’ membri tal-Kumitat Organizzativ minħabba li emails juru li l-President kienet ippresidiet nurmu ta’ laqgħat fil-Palazz ta’ San Anton, tant li kienet informata bid-deċiżjonijet kollha meħuda.
13-il persuna, fosthom Bailey u ħafna mill-organizzaturi, qed jiffaċċjaw akkużi konnessi mal-inċident.
//= $special ?>