“Jien u l-Partit Nazzjonalista ma nistħux mill-kliem ‘omm’ u ‘missier'”. Qal dan il-kandidat għall-Kap tal-PN Chris Said b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Helena Dalli li fiha attakkat lil Chris Said li bih bħala Prim Ministru, Gvern ġdid nazzjonalista jerġa’ jdaħħal it-termini ‘omm’ u ‘missier’ fil-liġi taż-żwieġ, filwaqt li jżomm it-terminu ġenitur għal min jixtieq definizzjoni usa’. U dan mingħajr ma jitneħħa xejn mid-drittijiet lil koppji LGBTIQ.
Chris Said qal li l-attakk jista’ jkompli għax dan ikompli jimlih bid-determinazjoni li jdaħħal mill-ġdid l-‘omm’ u l-‘missier’ fil-liġi taż-żwieġ, b’Chris Said isellem lill-ommijiet u l-missirijiet kollha għas-sagrifiċċji lejn uliedhom.
Fl-istess kummenti mal-media, Chris Said qal li mill-ewwel ġurnata tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, u Kap tal-Oppozizzjoni, se juża’ tletin sena ta’ esperjenza fil-politika biex iġedded il-partit.
“Miegħi tafu fejn qegħdin. Tafuni. Jien wieħed minnkom. What you see is what you get: Bżulija, Esperjenza, Integrita’ u Tiġdid” sostna l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt li rrefera għall-esperjenza tiegħu matul is-snin fil-politika.
Dwar il-Partit Nazzjonalista, Chris Said qal li jrid jara tiġdid f’kull livell: fil-kumitati sezzjonali; fil-fergħat; bil-ħolqien mill-ġdid tal-istreet leaders; billi darba f’ġimgħa, jaħdem minn lokalità differenti u li bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista jwaqqaf il-bejgħ tal-każini.
Chris Said temm jgħid li l-appoġġ li qed isib qed jagħtih kuraġġ, determinazzjoni u fiduċja li ġej żmien sabiħ għall-Partit Nazzjonalista, il-partit li qatt ma waqaf jimmilita fih. “Kont hemm, u qed noffri li aktar minn qatt qabel inkun hemm, magħkom, ħalli flimkien nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista partit rebbieħ,” temm jgħid il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
//= $special ?>