Adrian Zammit, żagħżugħ ta’ 22 sena minn San Ġwann, ingħata l-libertà proviżorja wara li kien arrestat il-Ħadd li għadda u akkużat b’pussess ta’ droga.
Fil-Qorti, Zammit wieġeb li mhux ħati u li m’għandux residenza fissa, tant li joqgħod f’garaxx. Hu kien akkużat li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u b’pussess aggravat ta’ droga kannabis.
Il-Ħadd hu kien arrestat fi tmiem operazzjoni mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Drogi f’San Ġiljan, fejn instab li kellu 250 gramma kannabis u kokaina, li dehru bl-intenzjoni li jkunu traffikati.
Tfittxija fuq il-persuna tiegħu wasslet biex instabulu wkoll miżien, numru ta’ boroż żgħar tal-plastik u €600 fi flus kontanti.
Fl-istess waqt, hu kien akkużat ukoll li saq karozza mingħajr polza tal-assikurazzjoni jew liċenzja valida, li saq karozza bi pjanċi foloz tar-reġisrazzjoni u li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
Għat-talba tad-Difiża biex Zammit jingħata l-libertà proviżorja, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Gabriel Micallef innutat it-tħassib tagħha għall-fatt li l-akkużat ma joqgħodx f’residenza fissa.
Madankollu, id-Difiża baqgħet issostni li dik hi r-residenza tiegħu u bil-fatt li l-akkuża tinnota l-indirizz tal-garaxx, ħadd ma jista’ jixhed kontra dan il-fatt. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Id-Difiża qed titmexxa mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.
//= $special ?>

