Hekk kif il-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap PN waslet lejn l-aħħar jiem tagħha, il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap Adrian Delia sostna li llum il-kunsilliera kollha tal-PN li huma eleġibbli biex jivvutaw fit-2 ta’ Settembru jafu xi jsarraf u x’inhuma l-prinċipji li jħaddan.
Adrian Delia kompla għaddej bil-laqgħat mal-kunsilliera, tesserati u membri tal-kumitati sezzjonali u fergħat tal-partit fejn qal li “lil min tafu tistaqsiex għalih, għax l-esperjenza tgħallmek li min hu ġenwin fil-ħajja ta’ kuljum jimxi bl-onestà kemm fil-politika kif ukoll fi kwalunkwè rwol li jidħol għalih. Dan il-kunsilliera jafuh sew u qed jifhmu, għaliex bħalissa hawn mewġa qawwija favur mod ġdid fil-Partit Nazzjonalista.”
Min fil-passat gideb, ħeba u daħaq bin-nies ma jistax jippreżenta ruħu bħala onest, qal Adrian Delia. “L-avversarji politiċi tagħna jaħsbu li jistgħu jidħqu bina iżda l-Partit Nazzjonalista hu wieħed bi storja kbira, u anke jekk bħalissa għaddej minn perjodu ta’ sfidi interni, se jerġa’ jsib saqajh wara Kap b’saħħtu, onest u determinat li jiġġieled il-korruzzjoni istituzzjonalizzata li daħlet fil-livelli kollha tal-Gvern.”
“Illum sirtu tafuni. Jien nemmen f’politika tan-nies għaliex l-esperjenza professjonali tiegħi kif ukoll dik personali għalmuni nisma u nixtarr biex wara nieħu deċiżjonijiet li ma jweġġgħux familji sħaħ,” qal Adrian Delia. “Il-proposti tiegħi għall-Partit u għall-pajjiż mibnija fuq ir-rispett lejn il-ħaddiema għaliex dawn m’humiex numru li timpjegahom jew teħles minnhom biex tirranġa l-qagħda finanzjarja. Dan il-Gvern, u min jemmen bħalu, jaħsbu li jistgħu jwiegħdu l-ilma jiżfen sa ma jirbħu l-elezzjoni iżda wara jkunu l-ħaddiema li jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi,” tenna Adrian Delia.
Hu tkellem ukoll dwar il-finanzi tal-partit u kemm hu importanti li l-pjan li bdew Ann Fenech u Alex Perici Calascione jibqa’ għaddej. “Jekk dan il-pjan jiġi mgħedded minn xi wegħdiet fierha qed nissugraw li nitilfu kollox,” wissa Adrian Delia fil-laqgħat mal-kunsilliera. “Minflok irridu naħdmu bil-għaqal u bi trasparenza biex inkomplu nġibu l-finanzi tal-partit fis-sod, ħalli jkollna biex immexxu kampanji professjonali li jagħtu r-riżultati.”
Adrian Delia qal ukoll li ma jimpressjonax ruħu bis-surveys, la qabel u lanqas wara l-elezzjoni, għaliex li jgħodd hu dak li jagħmlu n-nies weħidhom meta jivvutaw. “Ħażin jekk xi ħadd jipprova jagħmi lill-partitarji tagħna li ninsabu b’xi vantaġġ mingħajr ma jinduna li qed jintilfu l-voti taħt għajnejh,” qal Adrian Delia. “Il-Mod Ġdid li nixtieq li mmexxi bih hu li nkunu dejjem trasparenti man-nies ħalli dawk li jixtiequ jerġgħu jivvutaw lill-PN isibuha faċli jagħmlu dan għax jafdawna bis-serjetà. Hu għalhekk li l-politika tagħna trid tibda mill-kumitati sessjonali u titla ‘l fuq,” temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>