Lokali

In-Nazzjon 23.08.2017

Ritratt tat-terremot ieħor traġiku li laqat lill-Italja jiddomina l-ewwel faċċata tal-ġurnal In-Nazzjon, b’ritratti u rapport estensiv tal-ħidma ta’ salvataġġ li saret matul il-ġurnata tal-bieraħ fil-gżira ta’ Ischia.

Storja ewlenija fil-ġurnal tittratta l-fażi ġdida li bdiet ilbieraħ fil-proċess għall-elezzzjoni tal-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista hekk kif fid-Dar Ċentrali tal-PN bħalissa qed jinġabru d-dokumenti tal-vot għall-ewwel elezzjoni li se ssir fit-2 ta’ Settembru fil-Kunsill Ġenerali li jrid jagħżel tnejn mill-erba’ kandidati li qed jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Stejjer oħrajn fil-ġurnal jittrattaw l-inkonvenjent tas-siġġijiet u l-imwejjed f’postijiet pubbliċi u kif dan hu tal-akbar tħassib tal-pubbliku, u l-aħħar żviluppi u arresti marbuta mal-attakk terroristiku li seħħ f’Barċellona l-ġimgħa l-oġra.

Fil-paġni tal-opinjonijiet hemm illum l-analiżi tal-MEP David Casa u ta’ Justin Schembri, waqt li opinjoni oħra tad-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici tittratta l-personalità ta’ Don Primo Mazzolari – saċerdot li ħadem għas-servizz tal-proxxmu mingħajr ma spiċċa parti mill-politika partiġjana.