Il-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said, il-Ħamis filgħaxija waqt dibattitu ressqu l-proposti u l-viżjoni tagħhom għall-Partit Nazzjonalista.
Dan id-dibattitu li xxandar fuq il-mezzi tax-Xandir ta’ media.link communications ra lill-kandidati jwieġbu l-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti minn erba’ kmamar tal-aħbarijiet differenti, bil-moderatur ikun Jes Saliba. Il-ġurnalisti kienu Neil Camilleri minn The Malta Independent, Keith Micallef minn Allied Newspapers, Josianne Camilleri minn Newsbook.com.mt u Yannick Pace mill-MaltaToday.
Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista kellhom ukoll l-opportunità jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom lill-kandidati u dan saru permezz tal-moderatur.
B’kollox il-kandidati kellhom ċans ta’ madwar siegħa u tliet kwarti iwieġbu l-mistoqsijiet.
Dan hu l-ewwel dibattitu minn tnejn, it-tieni wieħed mistenni jkun nhar il-Ħamis 31 t’Awwissu.
Dan iwassal biex eventwalment fit-2 ta’ Settembru isir l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet fejn il-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali jagħżlu tnejn mill-erba’ kandidati. F’każ li l-ewwel rawnd fit-2 ta’ Settembru ma jkunx biżżejjed biex jintagħżlu żewġ kandidati, il-kunsilliera jerġgħu jivvutaw fit-3 ta’ Settembru. Ladarba jintgħażlu iż-żewġ finalisti dawn imbagħad jgħaddu biex imorru għall-konvenzjoni ġenerali li se titlaqqa’ fis-16 ta’ Settembru, hemmhekk jintgħażel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sadanittant bħalissa komplew jinġabru l-voti tal-Kunsillieri – jiġifieri l-membri tal-Kunsill Ġenerali li se jivvutaw fl-elezzjonijiet tat-2 u possibilment it-3 ta’ Settembru li ġej. Dawn jammontaw għal madwar 1,500 persuna u jinkludu deputati, kandidati tal-Partit, Kunsilliera Lokali, membri tal-fergħat u kif ukoll rappreżentanti tal-Kumitat Sezzjonali.
Nhar is-Sibt li ġej, fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pieta’ u fis-Subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex, se jsir l-early voting għall-Kunsillieri li ma jkunux jistgħu jivvutaw is-Sibt ta’ wara, jiġifieri fit-2 ta’ Settembru.
//= $special ?>