Lokali

Għajjat “Allahu akbar” biex jitlob għall-mejjet

Ir-raġel li l-Erbgħa filgħodu kien arrestat wara li beda jgħajjat “Allahu akbar” waqt funeral qal li beda jgħajjat hekk biex jitlob għall-mejjet.

Modibo Cisse ta’ 29 sena mill-Kosta tal-Ivorju, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Huwa kien akkużat li kiser il-paċi pubblika u li kien fis-sakra fil-pubbliku.

Cisse kien ukoll akkużat b’theddid u insulti lill-pulizija liema akkużi twaqqgħu, ma kienux l-anqas veritieri l-akkużi fil-media li r-raġel seta’ għamel xi ħsarat fi propjetà privata.

L-avukat difensur Victor Aquilina spjega li l-akkużat beda jitlob għall-mejjet meta daħal fil-knisja jgħajjat “Allahu akbar”.

L-akkużat wieġeb li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u aċċetta li jirritorna volontarjament lejn l-Italja fuq titjira aktar tard matul il-jum. Hu ingħata sentenza sospiża għall-sentejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Eliott Magro.