Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Ftaħir bil-pjani għall-missili ballistiċi

 

Il-Korea ta’ Fuq komunista tidher li żvelat dettalji ta’ żewġ sistemi missilistiċi li, għalissa, għad iridu jgħaddu minn prova. Dan ħareġ minn servizz tal-istampa li kien provdut għal żjara ġo fabbrika li għamel il-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un.

Riratti mill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat, KCNA, qed juru diversi wall charts b’dettalji dwar il-missili tat-tip Hwasong-13 u Pukguksong-3. Id-dehra taċ-charts ingħatat ma rapport dwar iż-żjara ta’ Kim fil-faċilità partikulari tal-Akkademja għax-Xjenza tad-Difiża.

Il-Hwasong-13 tidher li tibbaża fuq il-kunċett ta’ ICBM (missila ballistika interkontinentali) waqt li ċ-chart li juri lill-Pukguksong-3 jinvolvi missila ballistika tat-tip li tkun sparata minn sottomarin.

Mhix l-ewwel darba li l-Korea ta’ Fuq żvelat ‘bi żball’ dettalji ta’ żviluppi importanti u li jidhru fl-isfond ta’ photo-shoots. L-analisti jemmnu, intant, li dan kien każ ieħor ‘fejn il-komunisti riedu jiftaħru bis-saħħa militari’, inkella fejn huma ‘riedu jibgħatu messaġġ lill-għedewwa’.

Ir-rapport tal-Korea ta’ Fuq dwar iż-żjara speċifika ta’ Kim jidher ukoll li seħħ fi żmien maħsub, u waqt li għaddejjin l-eżerċizzji militari konġunti, bl-isem Ulchi Freedom Guardian, li jinvolvu lill-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti. Ir-reġim komunista fi Pyongyang qed jopponi għall-eżerċizzji li se jkomplu sal-aħħar tax-xahar.