Elezzjoni Kap PN Lokali

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tax-xogħol – Alex Perici Calascione

Il-viżjoni ekonomika tiegħi hija ta’ ekonomija dinamika u miftuħa għall-kompetizzjoni li tegħleb l-isfida tal-globalizzazzjoni. Ekonomija kompetittiva li tagħti spazju lis-settur privat, li dejjem tfittex li tiddiversifika, li żżomm il-livell ta’ tassazzjoni baxx, li tiġġenera l-investiment, ix-xogħol u l-ġid u li minnu jgawdi kulħadd.

Dan qalu l-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione waqt li kien qed jispjega l-viżjoni tiegħu għax-xogħol u l-ekonomija t’Malta.

Huwa tenna li mira ewlenija tiegħu hija li bħala pajjiż niksbu tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd, kull familja, kull wieħed u waħda minna fis-soċjetà. Alex Perici Calascione qal li jrid jara ħolqien ta’ mpjiegi li jixirqu liż-żgħażagħ tagħna, lill-persuni b’diżabilità, u lil kull min jixtieq jaħdem. Il-ħaddiema kollha u ta’ kull età huma riżorsa prezzjuża għalina, tenna Perici Calascione.

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Malta hija mibnja fuq Il-bżulija tal-Maltin sew jekk impredituri jew ħaddiema. Perici Calasione qal li minkejja li l-Gvern spiss jitkellem dwar il-kwantità fil-ħolqien tax-xogħol, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu jikkonċentra fuq il-kwalità: b’impjieg li jagħtu sodisfazzjon, isarrfu f ’karriera b’paga u kundizzjonijiet tajba li jippremjaw il-bżulija u l-ħiliet tiegħek.

Alex Perici Calascione qal li huwa kburi li l-pedamenti tal-ekonomija li għandna llum bnewhom gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti. Għandna track record mill-aqwa bil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda li kattru l-impjiegi b’pagi aħjar.