Il-Qatar irristawra r-relazzjonijiet diplomatiċi sħaħ mal-Iran, bi sfida għall-erba’ pajjiżi Għarab l-oħra li qed jinsistu biex l-awtoritajiet f’Doha jnaqqsu l-irbit ma’ dik ir-Repubblika Iżlamika.
L-emirat inkwistjoni, fl-2016, kien irtira lill-ambaxxatur tiegħu minn Tehran meta l-missjonijiet diplomatiċi tas-Sawdi, fl-Iran, sfaw attakkati, wara li l-Arabja Sawdija konkludiet l-esekuzzjoni ta’ reliġjuż ewlieni tal-Musulmani Xiti.
Intant, il-Qatar, illum, qed jagħmilha ċara li jixtieq isaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Iran ‘fl-oqsma u s-setturi kollha’. Hu minnu li l-Iran għen lill-Qatar biex jikkonfronta r-restrizzjonijiet għall-kummerċ u l-ivvjaġġar li l-ġirien influwenti tiegħu, b’mod partikulari l-Arabja Sawdija, ilhom jimponulu minn Ġunju.
L-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu u l-Bahrain akkużaw lill-Qatar bħala ‘sostenitur ta’ gruppi terroristiċi madwar ir-reġjun’. Akkuża oħra speċifika fil-konfront tal-Qatar hu li l-pajjiż hu ‘qrib wisq’ tal-Iran, li miegħu jaqsam l-akbar zona fid-dinja għall-produzzjoni tal-gass.
Intant, l-emirat inkwistjoni dejjem ċaħad bil-qawwi għall-allegazzjonijiet – b’mod partikulari dak li jixlih bħala sponsor tat-terrur.
Il-Qatar ma qalx meta l-ambaxxatur tiegħu għandu jirritorna f’Tehran, iżda l-aħbar dwar ir-restawr tar-relazzjonijiet mal-Iran ingħata wara li l-Ministru Qatari għall-Affarijiet Barranin, Sheik Mohammed bin Abdul Rahman Al Thani, tkellem mal-Ministru Iranjan bl-istess dekasteru, Mohammad Javad Zarif.
Al Thani u Javad ‘iddiskutew relazzjonijiet bilaterali u l-mezzi biex jiżviluppaw l-istess relazzjonijiet, flimkien ma’ diversi issues oħra ta’ interess komuni’. Intant, ma kienx hemm reazzjoni immedjata mill-Arabja Sawdija u l-alleati.
//= $special ?>