Bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti biex illejla jsir l-ewwel dibattitu bejn l-erba’ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dibattitu mistenni għaliex hu l-ewwel darba li f’elezzjoni ta’ Kap, dawk li se jivvutaw se jkollhom l-opportunita’ li jaraw il-kandidati flimkien fi studio wieħed, jiddibattu l-politika.
Dan se jkun l-ewwel minn żewġ dibattiti skedati bit-tieni wieħed bejn l-erba’ kandidati jsir il-ġimgħa d-dieħla. Id-dibattitu tal-lejla jixxandar live fuq Net Television, Radio 101 u l-Facebook Page tal-Partit Nazzjonalista fid-9 ta’ filgħaxija.
Sadanittant, ilbieraħ komplew jinġabru l-voti tal-Kunsillieri – jiġifieri l-membri tal-Kunsill Ġenerali li se jivvutaw fl-elezzjonijiet tat-2 u possibilment it-3 ta’ Settembru li ġej. Dawn jammontaw għal madwar 1,500 u jinkludu Deputati, kandidati tal-Partit, Kunsillieri Lokali, membri tal-fergħat, kif ukoll rappreżentanti tal-Kumitati Sezzjonali tal-Partit.
Fuq il-ballot paper, il-Kunsillieri se jkollhom l-erba’ ismijiet tal-erba’ kandidati biex jagħżlu wieħed minnhom. Minn dawn l-erbgħa, jgħaddu tnejn għall-elezzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali li ssir fis-16 ta’ Settembru. Għal din l-elezzjoni jivvutaw it-tesserati, iżda l-proċess ta’ ġbir ta’ voti għal din l-elezzjoni jibda wara t-3 ta’ Settembru.
Nhar is-Sibt li ġej, fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pieta’ u fis-Subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex, se ssir l-early voting għall-Kunsillieri li ma jkunux jistgħu jivvutaw is-Sibt ta’ wara, jiġifieri t-2 ta’ Settembru.
//= $special ?>