Raġel ta’ 22 sena qed jgħin l-istħarriġ tal-Pulizija f’Rotterdam wara li tħassar kunċert tar-Rock (li kellu jsir fl-istess belt) minħabba allert min-naħa tal-Pulizija Spanjola.
Ir-raġel kien arrestat fil-provinċja ta’ Brabant bħala parti mill-inkjesta dwar theddida terroristika. Dan wara l-allert li kien konness ma’ kunċert li l-grupp tar-Rock Amerikan, Allah-Las, kellu jagħti fl-arena ta’ Maassilo, f’Rotterdam.
L-aħħar rapporti qalu li s-suspettat inkwistjoni kien iċċirkola messaġġ ta’ theddid fuq Telegram, bl-arrest tiegħu jseħħ bħala parti mill-inkjesta dwar terrur potenzjali. Intant, l-awtoritajiet Olandiżi għaddewh minn interrogazzjoni sħiħa biex jaraw il-veri intenzjonijiet tiegħu. Huma qalu li s-suspettat kellu jagħti kont sħiħ għall-azzjonijiet tiegħu.
Il-Pulizija Olandiża qalet li hi kellha informazzjoni konkreta mingħand il-Pulizija Spanjola li l-kunċert kellu jispiċċa ‘mira ta’ azzjoni’. Dan ftit anqas minn ġimgħa wara l-attakki terroristiċi li laqtu l-ibliet Spanjoli ta’ Barċellona u Cambrils u li ħallew 15 mejtin u għexieren ta’ feruti.
Rapporti oħra semmew l-arrest ta’ xufier Spanjol ta’ vann li kien qed iġorr iċ-ċilindri tal-gass f’Rotterdam. Ix-xufier kien fi stat xurban u wara l-investigazzjonijiet inizjali, il-Pulizija ħarġu stqarrijiet biex jimminimizzaw il-konnessjoni potenzjali bejn dan ix-xufier u t-terrur. Aktar tard ilbieraħ kien ikkonfermat li ‘dan ir-raġel, li jaħdem bħala mekkanik, ma kellu x’jaqsam xejn mat-theddida lill-arena ta’ Maassilo’.
It-theddida terroristika fl-Olanda għadha fit-tieni l-ogħla livell mill-2013, bl-awtoritajiet isostnu li l-potenzjal ta’ xi attakk fil-pajjiż huwa ‘reali’.
//= $special ?>

