Internazzjonali

Lejn akkużi ta’ omiċidju dwar qtil ta’ ġurnalista fuq sottomarin

Il-Prosekuturi fid-Danimarka qalu li se jressqu akkużi ta’ omiċidju kontra Peter Madsen, imprenditur ewlieni u inġinier li jibni s-sottomarini, fost suspetti li hu qatel ġurnalista Żvediża fuq is-sottmarin tiegħu.

L-aħħar darba li l-ġurnalista Kim Wall dehret ħajja kienet fl-10 ta’ Awwissu, meta marret ma’ Madsen għal vjaġġ bis-sottomarin partikulari li kien bena hu stess.

Intant, il-prosekuturi Daniżi mistennija jitolbu biex jitressqu akkużi ġodda ladarba Peter Madsen jidher il-qorti, fl-ewwel jiem tax-xahar id-dieħel.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-katavru ta’ mara – mingħajr ras – li nstab fl-ibħra lil hinn mid-Danimarka kien identifikat li kien ta’ Kim Wall.

Il-katavru kien marbut ma’ oġġetti tal-metall bl-iskop li ma jitlax fil-wiċċ tal-ilma. Id-DNA li ttieħdet mill-katavru, imbagħad instabet li kienet taqbel perfettament ma’ elementi li ttieħdu mill-affarijiet personali ta’ Kim Wall.

Il-każ ta’ omiċidju suspettat irranka wara li Peter Madsen, għall-bidu, qal li kien ‘telaq lill-ġurnalista qawwija u sħiħa viċin  Kopenhagen’, u wara bidel il-verżjoni fejn sostna li ‘hi kienet mietet f’inċident u li hu għażel li jidfinha fil-baħar’.

Madsen qed jiċħad li qatel lil Kim Wall u, inizjalment, kien akkużat bi qtil involontarju dovut għal negliġenza.

Parti mill-fdalijiet tal-ġurnalista kienu nstabu fuq bajja lejn in-nofsinhar minn Kopenhagen u wara li s-sieħeb ta’ Kim Wall irrapporta li hi ma rritornat qatt mill-vjaġġ fis-sottomarin ta’ Madsen.

Il-Pulizija Daniża temmen li Madsen kien għarraq ‘dolożament’ is-sottomarin tiegħu (li kien jiżen 40 tunnellata) sigħat biss qabel bdiet it-tfittxija għall-mara.

Kim Wall, li kellha reputazzjoni tajba ħafna bħala ġurnalista freelance, kienet qed tirriċerka storja dwar Madsen li kien bena s-sottomarin inkwistjoni bl-isem UC3Nautilus grazzi għal skema pubblika għall-ġbir tal-fondi.

Il-misteru qed jingħata prominenza kbira fl-istampa tal-pajjiżi Skandinavi, fejn in-nies qed jistennew aktar żviluppi interessanti dwar il-każ.