Instabu l-katavri ta’ tliet persuni, suspettati li ilhom mejtin mis-snin disgħin, fuq in-naħa ‘Taljana’ ta’ Mont Blanc; l-ogħla muntanja fir-reġjun tal-Alpi.
L-indikazzjonijiet huma li l-fdalijiet, fiz-zona tal-Miage glacier, kienu esposti mis-silġ li qed idub u, skont l-istampa Taljana, is-sejba saret minn xabbatur Franċiż li ma tilifx iż-żmien biex jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet.
Mont Blanc ilu żmien jimponi l-akbar sfida għal xabbaturi u fl-aħħar ġimgħat kien hemm sensiela ta’ inċidenti fatali fl-inħawi. Dan meta ċittadini tar-Repubblika Ċeka, il-Korea t’Isfel, l-Ukrajna u l-Ġermanja huma rappurtati fost in-nies li mietu fost numru ta’ inċidenti fuq Mont Blanc.
Fl-aħħar ħinijiet, l-iskwadri tas-salvataġġ qalb l-Alpini kienu qed jippruvaw jirkupraw il-fdalijiet tat-tlieta mill-parti remota tal-muntanja. Dan waqt li kelliema qalu li l-imwiet partikulari, x’aktarx, li seħħew madwar l-1995.
Minbarra l-katavri, ix-xabbatur Franċiż hu anki rappurtat li sab wallet b’dokument tal-identità li, fl-1995, kien ħareġ lil raġel ta’ 23 sena fil-Ġermanja.
//= $special ?>