L-appoġġ tagħkom, u l-interess li qed tieħdu fl-għażla ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, jimlieni bil-kuraġġ li ġej żmien sabiħ għall-partit tagħna fejn bi stabbiltà, integrità u esperjenza nġeddu l-partit u nerġgħu nagħmluh rebbieħ. Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister Chris Said meta l-Ħamis filgħaxija indirizza kunsilliera, tesserati u attivisti fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tas-Swieqi.
Dan hu żmien ta’ sfidi kbar għall-Partit Nazzjonalista, iżda jekk nagħżlu b’għaqal l-ebda sfida mhix impossibbli. Tletin sena ta’ esperjenza fil-partit u fil-politika, minn membru ta’ fergħa għal sindku, minn deputat għal Segretarju Parlamentari, minn Ministru għal Segretarju Ġenerali għal Shadow Minister u issa kandidat għal kap tal-partit, għallmuni li magħqudin – bis-sehem ta’ min ilhu jimmilita fil-partit u ta’ dawk li ssieħbu riċentament, b’ideat ġodda u friski, b’determinazzjoni u għaqal, il-Partit Nazzjonalista jiġġedded u jerġa’ jsir partit b’saħħtu u rebbieħ, qal Chris Said.
L-avversarju tagħna hu l-Gvern ta’ Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri li bija bħala kap tal-partit mhux se jsibu refuġju. Jien minix se nagħlaq għajnejja għal dak li għamlu, u dak li qegħdin jagħmlu. Minix se nimxi b’ingwanti tal-ħarir magħhom. Il-korruzzjoni l-kbira tal-gvern ta’ Joseph Muscat ma bdietx l-għada li l-gvern ta’ Muscat tela’ għall-ewwel darba fil-gvern, iżda bdiet ferm qabel. Dan kollu, bija bħala kap, mhux se jinxteħet taħt it-tapit, saħaq Chris Said.
Flimkien magħkom, nies ġenwini, integri u li tħobbu l-partit, jien se nkompli l-ġlieda ta’ Simon Busuttil kontra l-korruzzjoni. Biex dan iseħħ, aħna rridu nibqu fuq in-naħa tas-sewwa b’hekk il-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni ssir b’aktar saħħa u kredibbiltà. Dan filwaqt li naħdmu fuq it-tfassil ta’ politika, għax ikun żball jekk naħsbu li l-gvern ta’ Muscat nistgħu nerbħulu biss billi niġġielduh fuq il-korruzzjoni. Iżda bi ġlieda b’saħħitha kontra l-korruzzjoni, b’partit imġedded b’ideat friski, b’esperjenza, b’integrità u bi tmexxija stabbli fi ħdan il-partit, u magħqudin flimkien, isir ferm aktar faċli biex meta tasal l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista jirbaħ il-fiduċja tal-poplu, sostna l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
Min-naħa tiegħi, frott l-esperjenza ta’ tletin sena fil-politika, frott l-integrità li dejjem ħaddant, u frott l-enerġija u l-bżulija tiegħi, nserrħilkom raskom li miegħi tafu fejn qegħdin, m’hemmx sorpriżi koroh, ktieb miftuħ li kapaċi nagħti tmexxija stabbli lill-Partit Nazzjonalista, sostna Chris Said.
Flimkien magħkom irrid inġedded il-partit: inwaqqaf il-bejgħ tal-każini, indaħħal mill-ġdid l-istreet leaders, nagħti aktar appoġġ lill-kumitati sezzjonali li xogħlhom ma jkunx biss il-ġbir tat-tesseri iżda l-kuntatt man-nies, naħdem darba f’ġimgħa, kull ġimgħa, minn lokalità differenti biex inkun viċin tagħkom, nagħti aktar saħħa lilkom il-kunsilliera tal-kunsill ġenerali – fi zmien sentejn is-Segretarju Ġenerali tagħżluh inthom; nagħti free vote lid-deputati nazzjonalisti fuq temi etiċi u morali.
Fuq livell ta’ pajjiż, gvern ġdid nazzjonalista mmexxi minnhi jerġa’ jdaħħal it-termini omm u missier fil-liġi taż-żwieġ, filwaqt li ma nneħħi xejn mid-drittijiet li ngħataw persuni LGBTIQ, naħdmu biex noħolqu oqsma ġodda tal-ekonomija b’pagi aħjar għall-ħaddiema tagħna, nerġgħu nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista l-partit tal-edukazzjoni, ninvestu f’qasam tas-saħħa tajjeb u mingħajr ħlas, ngħinu lill-anzjani u l-pensjonanti tagħna fosthom b’għajnuna finanzjarja lin-nanniet li jieħdu ħsieb in-neputijiet u ninvestu f’Korp tal-Pulizija serju li jiġġieled kriminali barranin li qed jitħallew jagħmlu ħerba f’lokalitajiet bħal Marsa, s-Swieqi, San Ġiljan, Paceville, tas-Sliema, Buġibba u San Pawl il-Bahar, sostna Chris Said.
Intant fis-Swieqi, tkellem is-Sindku Noel Muscat li ddeskriva lil Chris Said bħala politiku bieżel u li jwettaq. Noel Muscat ingħaqad ma’ ghadd ta’ sindki u deputati li fl-aħħar ġimgħat esprimew l-fiduċja tagħhom fi Chris Said fosthom: Edwin Vassallo, David Stellini, Jason Azzopardi, David Casa, Graziella Galea, Alexiei Dingli, l-eks President tal-MUT Kevin Bonello, u l-eks Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Peter Agius. Min-naħa tiegħu Chris Said esprima l-apprezzament tiegħu lil kull min qed jagħtih il-fiduċja tiegħu filwaqt li saħaq li bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se jaħdem ma’ kull min hu ġenwin, mhux l-inqas dawk li f’din l-elezzjoni ħassew, kif għandhom kull dritt jagħmlu, li ghandhom jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-kandidati l-oħra. Wara s-sittax ta’ Settembru rridu nkunu partit wieħed u magħqud, qal Chris Said.
//= $special ?>