Mara, fl-Afrika t’Isfel, li akkużat lil Grace Mugabe, il-First Lady taż-Żimbabwe, dwar aggrediment fil-konfront tagħha, sfidat legalment lill-Gvern fi Pretorja talli permetta l-immunità diplomatika lil Mugabe.
Din il-mara, mudella bl-isem Gabriella Engels, ippreżentat dokumenti fil-qorti li jistqarru li ‘l-ebda Kap ta’ Stat, wisq anqas First Lady, m’għandu jikkwalifika għall-immunità f’każi fejn hu jew hi jkunu akkużati b’reati serji’.
Grace Mugabe telqet mill-Afrika t’Isfel lejn Harare, il-kapitali taż-Żimbabwe nhar il-Ħadd li għadda. Hi, intant, ma kummentatx dwar l-allegazzjoni ta’ Engels fis-sens li ‘il-First Lady kienet sawwtitha bla ħniena, b’wire extension’ ġo lukanda ta’ Johannesburg, fit-13 ta’ Awwissu li għadda.
Il-Pulizija fl-Afrika t’Isfel kienet investigat l-aggrediment allegat iżda naqset milli tressaq akkużi kontra Grace Mugabe. Dan wara li l-Gvern taż-Żimbabwe, immexxi minn żewġha, il-President Robert Mugabe, insista, f’isem Grace Mugabe, li hi tingħata l-immunità diplomatika.
Il-Ministru għar-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Afrika t’Isfel, Maite Nkoana-Mashabane, qalet li hi ‘ma sabithiex faċli’ li tagħti l-immunità lil Grace Mugabe.
Min-naħa tagħha, l-allegata vittma, Gabriella Engels – permezz tad-dokumenti li ressqet lill-Ogħla Qorti, fi Pretorja – insistiet li l-Ministru inkwistjoni ‘misinterpretat il-poteri tagħha’. Engels qalet ukoll li d-deċiżjoni ta’ Nkoana-Mashabane għandha tkun iddikjarata invalida ‘peress li mgħandhiex bażi ta’ legalità’.
//= $special ?>