Elezzjoni Kap PN Lokali

“Alex Perici Calascione jfisser Partit Nazzjonalista magħqud”

“L-akbar bżonn tal-Partit Nazzjonalista f’dan iż-żmien hija l-għaqda, u jeħtieġ li l-Kap il-ġdid ikun kapaċi jwassal lill-Partit biex jiskopri mill-ġdid ir-rikkezza tiegħu fl-għaqda.”

Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione waqt id-dibattitu fuq Net Televsion.

“Huwa mportanti li ma sbieħ il-jum fis-sbatax ta’ Settembru, il-Kap magħżul ta’ dal-Partit ikun jagħraf jiġbed ir-rispett tar-realtajiet kollha ta’ dan il-Partit biex ibbażat fuq dak ir-rispett – li hu jrid ikun iggwadanja anke minn issa stess – jasal biex jgħaqqad il-Partit u biex ikollu l-awtorità meħtieġa biex imexxi,” qal Perici Calascine waqt id-dibattitu.

Żied li l-akbar sfida għall-Partit Nazzjonalista erba’ snin ilu kienet il-qagħda finanzjarja tiegħu, iżda bħala teżorier huwa aċċetta li jidħol għaliha b’dedikazzjoni u llum l-affarijiet qegħdin jimxu b’mod serju.

Bħala Kap, Perici Calasione qal li huwa se juża l-istess ħila u enerġija biex jerġa’ mill-ġdid iġib l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.

Saħaq li fil-mument tal-prova, huwa dejjem poġġa l-interess tal-Partit Nazzjonalista qabel tiegħu personali, u ġab ir-riżultati li kien hemm bżonn.

“Għaliex il-Partit talabni, għaliex jiena nqiegħed il-Partit lil hinn minn kull interess tiegħi personali: minn kull strateġija ta’ x’jaqbilli jew ma jaqbillix,” temm jgħid Alex Perici Calascione.