Lokali

Appell għad-donazzjonijiet: “L-Għajnuna tal-Gvern mhux biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż”

Il-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat qed tappella għad-donazzjonijiet mill-pubbliku sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw il-ħidma ta’ tiswija u restawr wara li sfronda parti mis-saqaf tal-Knisja kmieni l-Erbgħa filgħodu. Dan wara li bl-għajnuna mwiegħda mill-Gvern, ingħatat l-impressjoni li l-ispejjeż għat-tiswija se jkunu koperti minn din l-għajnuna.

Fi stqarrija, l-Franġiskani qalu li huma “grati immens mill-għajnuna li wegħdna l-Gvern u entitajiet oħra, iżda bl-ebda mod ma jfisser li dawn ser ikunu qed jidħlu għall-ispiża totali tat-tiswijiet u l-proġett kollu. Aħna dan fhimnieh mill-bidu u f’ebda mument ma ppretendejna mod ieħor, għax mhux aħna u l-problemi tagħna biss jeżistu f’pajjiżna. Din l-impressjoni li ngħatat pero’, qed iżżomm lill-pubbliku milli jikkontribwixxi bil-ħsieb li ma hemmx il-bżonn li wieħed jagħmel dan.”

“Dan m’hu minnu xejn, anzi nitolbu lill-pubbliku jgħinna f’dan il-mument diffiċli, għax mingħajr din l-għajnuna żgur li ma naslux biex nagħmlu x-xogħolijiet meħtieġa,” qalu l-patrijiet.

Issa li ġie mnaddaf kważi għal kollox it-terrapien li waqa’ mis-saqaf, kien ikkonfermat li l-altar inqered għal kollox u b’hekk irid isir altar tal-irħam ġdid. Kien innutat ukoll li parti kbira mill-art tal-presbiterju sofriet ħsarat estensivi u trid issir mill-ġdid ukoll. Hemm ukoll ħsara sostanzjali fl-irħam tal-altar maġġur.

Bħalissa qed jittellgħu travi tal-ħadid biex tissaqqaf il-parti ta’ fejn kien hemm l-altar u biex jiżżarmaw xi biċċiet mis-saqaf li jistgħu ikunu ta’ periklu. Fil-mument għaddej ukoll studju biex ladarba nħolqot din il-fetħa fis-saqaf, issir il-koppla li dejjem kienet fil-ħsieb li ssir tant li diġa’ hemm il-pedamenti tagħha fuq il-bejt tal-Knisja.

Il-Patrijiet se jkunu wkoll  fil-Knisja u qed jilqgħu donazzjonijiet is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija.