Sport Waterpolo

Birżebbuġa jilħqu lil Otters fit-tielet post tal-klassifika

Azzjoni waqt attakk ta' Otters (Ritratt: Martin Agius)

BIRŻEBBUĠA ASC………13

OTTERS NIVEA…………..6

(3-2), (3-1), (3-1), (4-2)

Wara li kienu ilhom mill-2002 neqsin mix-xena kompetittiva tal-Waterpolo, Birżebbuġa temmew l-ewwel kampjonat tagħhom b’suċċess b’rebħa netta ta’ 13-6. Wirja li kkonfermat il-potenzjal tat-tim ta’ Birżebbuġa li b’hekk preparaw tajjeb għall-finali tan-knock-out il-ġimgħa d-dieħla kontra Marsaskala.

L-għażla ta’ Marco Risso bħala l-kowċ tat-tim, kienet deċiżjoni għaqlija hekk kif għandu esperjenza vasta fix-xena lokali u rnexxielu jgħaqqad tim li ta sfida lil kulħadd, bl-għażla tal-Ispanjol Sergi Mora tkun għażla brillanti hekk kif mexxa lit-tim fl-ilma u f’xi partiti kien determinanti biex kisbu l-punti.

Minkejja t-telfa, Otters ukoll kellhom kampjonat pożittiv hekk kif spiċċaw daqs Birżebbuġa bi 17-il punt, kuntrarju għall-aħħar żewġ staġuni meta naqsu li jiġbru l-punti. Il-kowċ Erik Valter fl-ewwel esperjenza tiegħu qata’ figura tajba u simili għal Birżebbuġa offrew sfidi denji lit-timijiet ta’ fuqhom. Marko Jelaka sar prattikament sinonimu mal-klabb ta’ Otters u għal sena oħra reġa’ ma ddiżappuntax.

Birżebbuġa kellhom jirkupraw minn gowl minn taħt, b’Sergi Mora u Malcolm Manara jwieġbu għal gowl ta’ Marko Jelaka, iżda l-Kroat kien ġab id-draw momentarju għat-tim Għawdxi, b’Mora jħalli lit-tim tiegħu minn fuq fi tmiem l-ewwel sessjoni. It-tim min-nofsinhar ta’ Malta kompla jkabbar id-distakk bi tliet gowls konsekuttivi fit-tieni sessjoni biex marru 6-2 minn fuq, b’Jelaka jnaqqas l-iżvantaġġ.

Ir-rebħa dehret li kienet riesqa favur Birżebbuġa, u huma assiguraw li l-andament tal-logħba jibqa’ favurihom b’żewġ gowls ta’ Camenzuli u Pace Lupi, b’Mora jwieġeb għal gowl ta’ Jelaka biex ħalla lit-tim tiegħu ħames gowls vantaġġ.

Il-logħba kienet deċiża biż-żewġ timijiet inaqqsu mit-tattika speċifika u b’hekk kien hemm aktar spazji fejn iż-żewġ timijiet setgħu jattakkaw. Otters wieġbu darbtejn għal gowls tal-avversarji, iżda Birżebbuġa għamlu ċert mir-rebħ ukoll tal-aħħar sessjoni biex għalqu l-logħba b’distakk ta’ seba’ gowls.

Birżebbuġa: D. Abela, M. Manara (2), S. Mora (4), D. Pace Lupi (2), A. Camenzuli (1), A. Sammut, S. Vassallo (3), N. Cassar, G. Farrugia, M. Caruana, K. Rizzo Naudi (1), K. Gauci, D. Spiteri

Otters: M. Xerri, M. Borg Millo, A. Magri, L. Hyzler, E. Meli (1), D. Dimech, G. Mizzi, M. Jelaka (5), C. Zammit, M. Borg, C. Teuma, S. Wareing

Referees: Stefan Licari, Alessandro Roberti