EXILES JETFREIGHT…….11
VALLETTA UNITED………4
(2-2), (5-0), (3-1), (1-1)
Exiles Jetfreight għalqu l-istaġun fil-50 sena anniversarju tal-klabb b’rebħa netta ta’ 11-4 fuq Valletta United li kkonfermat il-progress li għamel it-tim dan l-istaġun. B’14-il punt, dan kien rekord ta’ punti tal-klabb fl-ogħla diviżjoni, u wieħed jasal għal konklużjoni li l-akkwisti li għamlu din is-sena flimkien mas-Serb Slobodan Nikic, kienu għażla tajba.
Valletta temmew staġun diffiċli li fih sabuha diffiċli mill-bidu. Waħda mill-akbar problemi li Valletta kellhom fil-bidu tal-istaġun kien l-aspett mentali hekk kif wara li jsofru gowls konsekuttivi f’xulxin, il-konċentrazzjoni tat-tim tinżel. Dan minbarra t-tul tal-iskwadra, li b’kuntrarju għal ċertu timijiet kienet inferjuri.
Exiles fetħu l-iskor permezz ta’ Timmy Sullivan, iżda Valletta dawru l-iskor b’gowls tal-aqwa skorer tagħhom Boris Vapenski u Andrea Agius, b’Sullivan jiskorja t-tieni gowl personali. Il-partita kienet mistennija li żżomm l-istess ritmu, iżda Exiles qabdu fuq sieq waħda lill-avversarji u wara li Kurt Griscti marru 3-2 minn fuq, Exiles iddominaw il-logħba b’doppjetta ta’ Sullivan u gowl minn Kurt Griscti, biex lejn it-tmiem, Michele Stellini daħħal lit-tim tiegħu 7-2 minn fuq.
Il-moral ta’ Valletta kien baxx, u b’distakk ta’ ħames gowls u l-andament tal-partita kif kienet, il-partita kienet prattikament mitmuma. Exiles komplew jikkontrollaw il-logħba u ma kinitx sorpriża li komplew ikabbru l-iskor permezz ta’ Nicky Paris u Timmy Sullivan, b’Vapenski jiskorja għal Valletta biex Kurt Griscti għamel l-iskor 10-3. L-għan ta’ Valletta fl-aħħar sessjoni, kien biss biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli, madankollu rnexxielhom biss ma jkabbrux l-iżvantaġġ, b’Exiles jibqgħu jikkontrollaw.
Exiles: M. Castillo, J. Rizzo Naudi, D. Borg Millo, M. Stellini (1), T. Sullivan (6), S. Xerri de Caro, S. Nikic, K. Griscti (3), N. Paris (1), L. Felice, B. Lanzon, J. Bajada, G. Ciappara
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius (1), M. Rizzo, M. Fenech, R. Mock, D. Paolella, N. Bonello Ghio, M. Cordina, B. Vapenski (2), K. Galea (1), A. Mifsud, F. Buhagiar
Referees: Ronnie Spiteri, Domenico Rotondano
//= $special ?>

